Dawk id-dijabetiċi li għandhom il-kartuna s-safra minn dan ix-xahar bdew jibbenefikaw minn benefiċċji li qabel kienu jieħdu biss dawk li għandhom il-kartuna r-roża.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li fost il-benefiċċji li se jibdew jieħdu d-dijabetiċi li għandhom il-kartuna s-safra hemm antibijotiċi b’xejn kif ukoll nuċċali u kura dentali mingħajr ħlas fost affarijiet oħra.
Il-Ministru Fearne qal li din il-miżura li ġiet imħabbra fil-baġit se tkun qed tibni fuq il-Politika Nazzjonali għad-Dijabete li ġiet ippubblikata fi tmiem l-2015.
Illum il-ġurnata d-dijabetiċi jgawdu minn mediċini ġodda li daħlu fil-formularju tal-Gvern.
Dawk kollha li jbatu bid-dijabete tat-Tip 1 jingħataw ukoll sticks b’xejn biex jiċċekkjaw iz-zokkor, skema li matul din is-sena se tiġi estiża anke għal dawk li għandhom dijabete tat-Tip 2 u li huma fuq l-insulina.
Barra minn hekk bħala parti mill-istess strateġija se jiddaħħlu fuq il-formularju insulini ġodda.