Wieħed mid-disà immigranti li jinsabu msakkrin fiċ-ċentru ta' detenzjoni f'Ħal Safi qabel ma jkunu ddeportati lura pajjiżhom jinsab fi stat ħażin ħafna tant li huwa mifhum li prova jwettaq suwiċidju bosta drabi. Dan qalu mas-sit Maltatoday.com.mt l-avukat tad-disà persuni mill-Mali, Gianluca Capitta, li fetaħ każ kostituzzjonali biex jipprjevjeni l-istess deportazzjoni.
L-avukat informa lill-istess sit illi wieħed mid-disa immigranti ċempillu biex jgħarrfu bis-sitwazzjoni. 'Instema' ddisprat. Issa qed nistenna l-mument li nkun nista' mmur narahom u jekk is-sitwazzjoni tkun waħda serja, allura nitlob li dan il-persuna jingħata l-għajnuna psikoloġika li għandu bżonn.'
Dawn id-disà immigranti ilhom msakkrin fid-detenzjoni mis-6 ta' Novembru meta l-Pulizija arrestathom bħala parti minn proġett konġunt biex dawk li jkollhom il-Protezzjoni Umanitarja Temporanja skaduta jintbagħtu lura.