
Novembru 'stupend' għat-turiżmu f'Malta
Titjib ta' 63% fit-turiżmu tul Novembru li għadda...it-total ta' turisti fl-2016 mistennija tkun qrib iż-żewġ miljun

More in Politika
Titjib ta' 63% fit-turiżmu tul Novembru li għadda...it-total ta' turisti fl-2016 mistennija tkun qrib iż-żewġ miljun
F’Novembru li għadda wasslu pajjiżna ‘l fuq minn 142,000 turist. Dan huwa numru ta’ wasliet rekord għax-xahar ta’ Novembru, u ssarraf fi tkabbir ta’ 24% fuq l-ammont li ġie rreġistrat f’Novembru tal-2015, anke jekk matul dak ix-xahar, kien hemm influss qawwi ta’ delegazzjonijiet barranin b’konnessjoni maċ-CHOGM u mal-Valletta Summit. Għax-xahar ta’ Novembru, dan huwa tkabbir bla preċedent sa minn mindu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) beda jiġbor u jikkompila l-istatistika dwar it-turiżmu permezz tat-Tourstat Survey sa mill-2003.
Fl-indirizz tiegħu waqt żjara fi tliet lukandi u żewġ ristoranti ġewwa Għawdex, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li “dan it-tkabbir hu aktar mid-doppju mit-tkabbir li kien reġistrat fl-istess xahar is-sena l-oħra. Aktar minn hekk in-numru ta’ wasliet rrekordjati f’Novembru li għadda huwa kważi 63% aktar min-numru ta’ turisti li waslu f’pajjiżna fl-aħħar Novembru ta’ gvern preċedenti, jiġifieri dak tal-2012.”
Dawn huma riżultati li jagħmluni kburi għax huma frott il-ħidma kollettiva ta’ gvern u poplu bieżel Edward Zammit Lewis
F'Novembru li għadda, in-numru ta’ wasliet diġà qabeż it-total reġistrat f’sena sħiħa tal-2015, hekk kif bejn Jannar u Novembru 2016 waslu aktar minn 1,892,000 turist. L-infieq turistiku fl-ewwel 11-il xahar tas-sena li għaddiet kif spiċċat laħaq il-€1.646 biljun, u anki hawn fl-infieq turistiku diġà inqabeż l-ammont li ġie rrekordjat f’sena sħiħa fl-2015, filwaqt li tħalla mal-€61.3 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija meta mqabbel mal-ewwel 11-il xahar tal-2015.
Jidher li dan qed jiġi rifless ukoll fil-gżira Għawdxija hekk kif minn kalkoli konservattivi nipproġettaw li fl-2016 il-viżitaturi barranin li żaru Għawdex għandhom ilaħħqu il-1.1 miljun. It-turisti barranin li għażlu li jqattgħu lejl jew aktar f’Għawdex fis-sena li għaddiet se jiżdiedu bi kważi 8% fuq l-2015, hekk kif l-iljieli mqatta’ ġewwa Għawdex minn turisti barranin huma proġettati li fl-2016 telgħu għal 1.091 miljun lejl.
“Dawn huma riżultati li jagħmluni kburi bis-suċċess li qed jirreġistra pajjiżna fid-dekasteru li ġie fdat lili, għax huma frott il-ħidma kollettiva ta’ gvern u poplu bieżel,’’ stqarr il-Ministru Zammit Lewis. Il-Ministru għat-Turiżmu tenna li s-suċċess tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna hija mibnija madwar l-għaqal u l-bżulija tal-gvern, tal-investituri u l-operaturi, u mhux bil-wisq inqas tal-ħaddiema fis-settur.