Il-Ministru għas-Sigurtà u l-Ġustizzja tal-Olanda Ard Van der Steur u l-Ministru għall-Ġustizzja tal-Lussemburgu Felix Braz kellhom kliem ta’ tifħir dwar il-preparazzjoni ta’ Malta għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-ministri saħqu li Malta tinsab ippreparata sabiex tieħu f’idejha t-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u jinsabu pożittivi li, minkejja l-isfidi, se jiġi reġistrat suċċess fis-settur tal-ġustizzja.
Waqt l-istess konferenza li segwiet laqgħa multilaterali dwar l-aħħar preparamenti għall-Presidenza Maltija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li t-tliet ministri iddiskutew il-proposti leġiżlattivi fis-settur tal-ġustizzja u l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija għal dan is-settur. Il-Ministru Bonnici qal li Malta se timmira li tagħlaq il-proposti leġiżlattivi pendenti, fosthom il-proposta għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew min-naħa tal-liġi kriminali, u l-proposti dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u l-kuntratti għall-bejgħ online kif ukoll bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti, min-naħa tal-liġi ċivili. Fl-istess waqt Malta ħa tkun qed tmexxi diskussjonijiet dwar proposti ġodda.
Suġġett ieħor li ġie diskuss mit-tliet ministri huwa l-Jum Ewropew kontra l-Impunità għad-Delitt tal-Ġenoċidju, Delitti kontra l-Umanità u Delitti tal-Gwerra, li se jkun iċċelebrat għat-tieni darba waqt il-Presidenza Maltija. Dwar dan, il-Ministru qal li hi ta’ sfortuna li dawn ir-reati għadhom qed iseħħu sal-ġurnata tal-lum. Huwa żied li permezz ta’ din il-ġurnata, il-Presidenza Maltija se żżid l-għarfien dwar l-importanza li tittieħed azzjoni kontra dawn ir-reati.
B’referenza għall-klima kurrenti tal-politika Ewropea, il-Ministru Owen Bonnici insista dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tadotta politika li tressaq lill-Unjoni aktar viċin iċ-ċittadin. Il-Ministru Bonnici ibbaża dan fuq il-fatt li, lil hinn min-nazzjonalità tal-persuna, aħna lkoll ċittadini Ewropej u din l-istess ċittadinanza għandha sservi biex tgħaqqad l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħhom ilkoll flimkien.
Il-Ministru Bonnici temm billi saħaq dwar l-importanza li Malta sservi ta’ pont li jgħaqqad, minkejja d-differenzi tal-istati membri u b’hekk, Malta, flimkien mal-istati membri l-oħrajn, taħdem bħala parti minn Ewropa aktar viċin iċ-ċittadin.