'Il-banek ta' daqs medju jinħtiġilhom trattament differenti'

Dr Sant kien qed jitkellem waqt sessjoni ta’ skambju ta’ ideat ma’ Elke Konig, il-Presidenta tas-Single Resolution Board,

Alfred Sant qal lill-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON) li l-banek ta’ daqs medju mill-ekonomiji żgħar u medji tal-Ewropa ta’ isfel jixirqilhom trattament differenti mill-banek tat-Tramuntana tal-Ewropa.  Dr Sant kien qed jitkellem waqt sessjoni ta’ skambju ta’ ideat ma’ Elke Konig, il-Presidenta tas-Single Resolution Board, l-Awtoritá inkarigata milli tiżgura li banek Ewropej li jkollhom diffikultajiet finanzjarji jiġu sorveljati tajjeb. B’reazzjoni għall-kummenti ta’ Dr Sant, Konig saħqet li huma jagħmlu minn kollox biex ma japplikawx ir-regoli bl-istess mod għal kulħadd, imma mbagħad qalet ukoll li ma tantx hemm differenza bejn banek tan-nord u dawk tas-sud u li għandhom jiġu ttrattati b’mod konsistenti skond ir-regoli tal-UE.

 

Dr Sant staqsa jekk l-użu ta’ metodoloġiji armonizzati setgħux jaffettwaw il-mudell tal-banek fl-Ewropa ta’ isfel. Dwar l-importanza li Elke Konig qed tagħti lill-armonizzazzjoni f’das-settur, Dr Sant staqsiha jekk taqbilx li dan jiżviluppa fuq linja ta’ ‘one-size-fits-all’.

 “Din l-armonizzazzjoni tista’ tnaqqas il-flessibilita` finanzjarja tal-banek żgħar u medji fl-Ewropa ta’ isfel fl-ambjent relattivament żgħir tagħhom bil-periklu li ma jibqgħux kompetittivi mal-banek kbar tal-Ewropa ta’ Fuq.” irrimarka l-Ewroparlamentari Malti.

F’intervent ieħor f’laqgħa oħra tal-ECON dwar iż-żona ewro, Dr Sant qal li r-regoli taż-żona ewro għandhom jiġu aġġornati biex jirriefelttu l-kundizzjonijiet ekonomiċi li dejjem jinbidlu.

More in Politika