F'battuta ċara lejn il-każ ta' Edward Caruana, li imbarazza lill-Ministru Evarist Bartolo, l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) qed tħeġġeġ lill-Gvern biex japplika r-regoli dwar l-ugwaljanza li qed jipproponi għalih innfisu. 'Kuntrarjament għall-Gvern min iħaddem m'għandux il-lussu li jimpjega fuq bażi ta' 'persons of trust' li ħafna drabi hija kariga skuża għal diskriminazzjoni u nepotiżmu sfrenat,' sostniet il-MEA, li irreaġixxiet għal liġi fil-Parlament u li kienet mħabbra ilbieraħ bil-għan li tassigura ugwaljanza fuq kull bażi għal kull ħaddiem.
Il-MEA qalet illi filwaqt li m'għandha ebda problema li d-drittijiet ta' minoranzi jkunu salvagwardjati, ma tista taqbel fil-prinċipju ma' miżuri li jpoġġu lil min jimpjega f'sitwazzjoni fejn ikun ħati qabel biss ikollu l-opportunita' li jipprova mod ieħor. Il-MEA qed toġġezzjona wkoll għal dawk li sejħet 'poteri eċċessivi lill-Kummissarju tal-Ugwaljanza, li se jkun jista jinvestiga u jkun mħallef ukoll. L-assoċjazzjoni fakkret illi kull min ikun akkużat b'diskriminazzjoni għandu dritt li jfittex proċeduri legali bil-Qorti biex jipprova l-innoċenza tiegħu u m'għandux ikun kummissarju li b'mod arbitrarju jiddeċiedi.