Il-MUMN tgħid li d-Dipartiment tas-Saħħa ma żammx kelmtu magħha

Il-Union lesta tieħu azzjonijiet Industrijali minħabba li għadhom ma ġewx ippubblikati numru ta' sejħiet ta' applikazzjoni...

Fi stqarrija maħruġa mill-Union tal-Qwiebel u l-Infermiera (MUMN) rappreżentanti tal-Union esprimew diżappunt u l-frustrazzjoni għall-fatt li sal-llum għadhom ma ġewx ippubblikati numru ta' sejħiet ta' applikazzjoni li ż-żewġ partijiet kienu laħqu qbil fuqhom, u li kellhom jiġu ppubblikati numru ta' ġimgħat ilu, anke wara li kien hemm l-awtorizzazjoni finanzjarja għal dawn l-istess sejhiet għal "Senior Practice Nurses/Midwives", "Retired Nurses" u "Physiotherapists".

Il-MUMN saħqet li ma tisax tifhem x'inhi r-raġuni li wara li għaxart ijiem ilu ntlaħaq ftehim dwar kwistjoni li kien hemm fir-rigward tar-riżultat taċ-"Charge Nurses", dan l-istess riżultat għadu ma ġiex ippubblikat. L-MUMN sostniet li "wara l-kummiedja li saret madwar 6 gimgħat ilu, fejn ġie ppubblikat ir-riżultat u ġie rtirat wara siegħa, in-nurses u l-media qed isaqsu x'sar minnu dan ir-riżultat, u ghalhekk l-MUMN hija sorpriża li wara għaxart ijiem li dan ir-riżultat kellu jiġi ppubblikat, sa llum, għadu ma sar xejn."

Għaldaqstant il-MUMN qed issostni li mhux se taċċetta aktar dewmien f'dan ir-rigward, kemm biex jiġu ppubblikati it-tliet sejħiet ta' applikazzjoni msemmija, kif ukoll ir-riżultat taċ-"Charge Nurses" fl-isptar Mater Dei.

Għalhekk l-MUMN tisħaq li jekk dawn is-sejħiet ta' applikazzjoni flimkien mar-riżultat taċ-"Charge Nurses" ma jiġux ippubblikati kollha din il-ġimgħa, il-Union, mingħajr pre-avviż ieħor ser tordna d-Direttivi Industrijali lill-Infermiera u l-Qwiebel kollha affettwati minn nuqqas ta' Infermiera u Qwiebel kif ukoll lil Fiżioterapisti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Karen Grech li qed isofru minn nuqqas  ta' l-istess Fiżioterapisti.

More in Politika