
Il-Bank Ċentrali jbassar tkabbir ekonomiku ta' 4.3%
Dan it-tkabbir huwa kważi 1% iktar minn dak imbassar sena ilu mill-istess Bank Ċentrali

More in Politika
Dan it-tkabbir huwa kważi 1% iktar minn dak imbassar sena ilu mill-istess Bank Ċentrali
Skont il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber b’4.3% fl-2016. Dan huwa kważi punt perċentwali aktar mir-rata ta’ tkabbir li kien bassar sena ilu l-Bank Ċentrali. It-tbassir jisboq sew ukoll dak magħmul mill-Gvern u minn aġenziji internazzjonali.
L-esperti tal-Bank Ċentrali jirrimarkaw li ‘economic activity in Malta is expected to remain robust over the projection horizon, supported by both demand and supply factors’. L-analiżi tal-Bank Ċentrali turi li ‘the energy reforms that have taken place in recent years, new investment projects, increased labour market participation and robust services exports are the primary drivers supporting the economic expansion’. Dan jikkonferma kemm it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna huwa frott id-diversi inizjattivi li ħa l-Gvern.
Il-Bank Ċentrali qed ibassar li d-domanda domestika se tibqa’ l-mutur tat-tkabbir ekonomiku. Il-konsum privat se jkompli jiżdied b’mod sinifikanti, xprunat minn titjib fid-dħul tal-familji. Fil-fatt, skont il-Bank Ċentrali, il-pagi mistennija jogħlew bi 3.3% din is-sena, jew bi kważi sitt darbiet ir-rata tal-inflazzjoni.
Filwaqt li l-Gvern mistenni jillimita l-ispiża tiegħu, tant li d-defiċit se jonqos taħt il-1% għall-ewwel darba fl-istorja, il-Bank Ċentrali qed jistenna li din is-sena l-investiment privat ikompli jiżdied, minkejja t-tkabbir qawwi li diġà kien osservat fl-2015. Fost l-oħrajn, l-esperti tal-Bank Ċentrali jsemmu l-proġetti fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni.
Fl-istess waqt, il-Bank Ċentrali qed ibassar li l-bilanċ pożittiv li pajjiżna għandu fil-pagamenti internazzjonali se jkompli jiżdied. Dan se jirrifletti żieda fl-esportazzjoni, l-aktar fil-qasam tal-manifattura.
Minkejja li s-sena li għaddiet, għat-tielet sena konsekuttiva, Malta kellha l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, xorta l-esperti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li fl-2016 pajjiżna se jkollu rata ogħla ta’ tkabbir ta’ impjiegi, ta’ aktar minn 3%. Dan mistenni jwassal biex ir-rata ta’ qgħad taqa’ għal minimu storiku ta’ 4.9%.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan hu ċertifikat pożittiv dwar l-andament ta’ pajjiżna. "It-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jiġi osservat f’pajjiżna jirrifletti l-politika tal-Gvern li naqqset il-piżijiet għall-familji u għan-negozji, filwaqt li tat inċentivi ċari favur it-tkattir tax-xogħol. Permezz tal-miżuri mħabbra fil-Budget, flimkien ma’ oħrajn fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se jkompli jaħdem biex il-ġid jasal għand kulħadd."