Il-General Workers’ Union ħarġet stqarrija li fiha l-Union tikkundanna dak li sejħet "l-atteġġament malizjuż tal-Arċisqof ta’ Malta", li kemm qabel u anke wara li vverifika l-fatti, iddeċieda li jikkummenta fuq l-operat tal-Fondazzjoni għal Xogħol fil-Komunità. Il-GWU saħqet li "l-Arċisqof għażel li jidħol fl-arena politika bil-ħsieb li joskura u jattakkahom".
il-GWU sostniet li huwa tal-mistħija li l-Arċisqof għażel li jirkeb il-karru politiku tal-Partit Nazzjonalista u jingħaqad miegħu f’attakki fuqhom. "Dan," tgħid il-union, "minkejja li l-istess Knisja li jmexxi qed tuża 19-il impjegat mill-istess skema mingħajr ma tħallas għalihom".
Il-GWU żieded tgħħid li l-Knisja ilha numru ta’ snin tagħmel użu minn dan is-servizz fil-komunità. Il-GWU tistaqsi għaliex l-Arċisqof qatt ma wera indinjazzjoni u talab ġustizzja, meta l-entitajiet tal-Knisja kienu jużaw lil dawn il-persuni li kienu qed jitħallsu biss 75% tal-paga minima, bla drittijiet u jaħdmu b’kundizzjonijiet prekarji taħt skema ta’ gvern preċedenti.
Il-GWU għamlitha biċ-ċar li llum il-ħaddiema impjegati fl-iskema preżenti ta’ xogħol fil-komunità qed igawdu minn pagi u kundizzjonijiet dinjitużi hekk kif stabbiliti minn qabel mill-Gvern. L-operat ta’ din l-iskema mill-Fondazzjoni għal xogħol fil-Komunità qed isir fl-ambitu tal-ħidma nazzjonali mwettqa mill-GWU kontra l-prekarjat.