'Patrijott' f’kull distrett

Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun hawn partit politiku ġdid... L-ILLUM tiltaqa' mal-Moviment Patrijotti Maltin

Henry Battistino – Mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin
Henry Battistino – Mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin

Il-Moviment Patrijotti Maltin se jikkuntesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss “b’mhux inqas minn kandidat wieħed f’kull distrett, li fosthom se jkun hemm nisa u rġiel li wħud minnhom huma wkoll ta’ dixxendenza barranija jew ġejjin minn familji ta’ reliġjon differenti”.

Dan qalu l-Mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin, Henry Battistino, hekk kif l-ewwel ħaġa li għamel kienet li jiċħad li hu jew il-Partit tiegħu huwa razzista.

Il-Kummisjoni Elettorali rrikonoxxiet l-Għaqda Patrijotti Maltin, bħala l-partit politiku ġdid imsejjaħ ‘Moviment Patrijotti Maltin’ ġimagħtejn ilu. Intant mistoqsi minn din il-gazzetta x’qed iwiegħdu l-Patrijotti bħala partit politiku, Battistino qal li l-manifest elettorali tal-MPM se joħroġ aktar viċin tal-elezzjoni.

Il-perċezzjoni tan-nies hija li l-Patrijotti huma razzisti
 “Minkejja dak li jipprovaw ibeżżgħu dwarna, aħna favur id-drittijiet tal-minoranzi kollha u favur il-libertà tal-koppji tal-istess sess, infatti niġġieldu li d-drittijiet tagħhom ma jkunux imkissra minn kulti u religjonijiet li ma jaċċettawhomx f’soċjetà bħalma hi dik Maltija,” sostna Battistino.

L-ILLUM ma setgħetx ma saqsietx lil Battistino dwar l-immaġini ta’ razzisti li ħafna nies f’Malta għandhom tal-Patrijotti, hekk kif l-aktar li għamlu ħoss fil-media kien bi protesti relatati mal-imigranzzjoni u l-Musulmani f’Malta. Battistino ammetta li l-Moviment vera beda b’timbru ta’ razzisti, iżda mhux għax fil-verità jħaddmu sentiment razzist jew ta’ mibgħeda. “Qed ngħixu f’sistema fejn jekk ma taqbilx mal-istabbiliment u ma tkunx politikament korrett iżżejjed, tiġi ttimbrat razzist,” qal Battistino, li saħaq li hu u l-membri l-oħra tal-moviment ma jibżgħux jgħidu l-affarijiet kif inhuma u lanqas jattakkaw l-istabbiliment. “F’soċjetà mmexxija minn liberaliżmu xellugi estrem, bilfors li aħna se nidhru bħala razzisti, avolja m’aħniex,” sostna Battistino.

Dwar dan, Battistino ppreżenta lil din il-gazzetta bl-istatut tal-MPM, fejn fih hemm miktub li l-għaqda mhix kontra li jingħata refuġju lil min jaħrab minn gwerra u persekuzzjoni, iżda ma taqbilx li immigranti ekonomiċi jiġu Malta irregolarment biex jaħdmu u jgawdu minn drittijiet soċjali f’pajjiżna. Battistino ddeskriva r-riżultat tan-numru dejjem jikber ta’ immigranti bħala invażjoni li qed tirriżulta f’over-population tal-pajjiż żgħir tagħna, b’riperkussjonijiet fuq il-ħajja tal-ħaddiem Malti. L-istess statut isostni li l-MPM huma kontra t-tibdil fil-kostituzzjoni ta’ Malta, l-identità, il-lingwa, it-tradizzjonijiet, il-kultura Maltija u l-valuri tal-Maltin. L-istatut jgħid li l-MPM ma taċċettax tibdil f’dak li jiddistingwina bħala Maltin, minkejja li ma jispeċifikax x’inhu eżatt dak li skont huma jagħmilna Maltin.

Mistoqsi jekk iħossx li għandhom xi possibiltà ta’ suċċess għall-elezzjoni ġenerali li jmiss huwa qal li huwa fiduċjuż li “se nagħmlu ħoss” u nwasslu messaġġ lil min jitla’ fil-Gvern li l-poplu jrid bidla.

More in Politika