Nidħlu fl-era diġitali...

L-MPE Marlene Mizzi tippromwovi l-intraprenditorija fl-era diġitali

Il-ġimgħa li għaddiet l-MPE Marlene Mizzi ospitat konferenza fil-Parlament Ewropew dwar opportunitajiet u sfidi li jiffaċċjaw l-intraprendituri fl-era ġdida ta’ diġitizzazzjoni tal-ekonomija u bl-introduzzjoni tal-ekonomija kollaborattiva “Ir-rivalutazzjoni tal-Impjiegi: Il-mikro-intraprendituri huma l-futur?”.

L-attività kellha attendenza tajba u fiha xjentisti, stakeholders, MPE u rappreżentanti tal-Kummissjoni ddiskutew kwistjonijiet marbutin mad-digitalizzazzjoni tas-suq uniku, il-benefiċċji u l-isfidi tad-diġitizzazzjoni tal-mikro-intrapriżi, u b’mod partikolari, il-mod differenti li bih sirna nħarsu lejn l-intraprenditorija u l-impjiegi.

Waqt l-avveniment, l-MPE Marlene Mizzi saħqet li “filwaqt li l-Unjoni trid tagħraf bis-sħiħ il-potenzjal u l-opportunitajiet li joffru l-internet u l-kummerċ elettroniku għall-iżvilupp tas-suq uniku fil-futur, irridu nagħrfu wkoll li hemm għadd ta’ sfidi li jistgħu jaffettwaw lill-konsumaturi, l-ħaddiema u l-fornituri tan-negozju tradizzjonali.” Mizzi żiedet tgħid li dan kollu ssaħħaħ bit-tkabbir mgħaġġel tal-ekonomija kollaborattiva u l-wasla ta’ bosta pjattaformi u siti diġitali bħal Uber u Airbnb.

Marlene Mizzi qalet: “L-ekonomija kollaborattiva hija mudell ġdid ta’ attività ekonomika li li tagħti s-saħħa lill-konsumatur li jikkapitalizza mill-proprjetà u l-kapaċitajiet tiegħu, u tipprovdi għażla vasta ta’ opportunitajiet għal mikro-intrapriżi. Dan kollu xi kultant jagħmilha diffiċli biex tistabbilixxi: min huwa l-konsumatur, min huwa dak li qed iħaddem u l-impjegat, u min huwa l-intraprenditur u n-negozju.”

Fi tmiem id-diskussjoni, Marlene Mizzi qalet li “fix-xhur li ġejjin il-leġiżlaturi tal-UE jridu jagħtu ħarsa mill-qrib lejn id-dinamiżmu tal-bidla biex dan ma joħnoqx il-benefiċċji ekonomiċi li qed joħorġu minn dawn il-mudelli ekonomiċi ġodda, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-impjiegi, kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ livell għoli u skemi ta’ benefiċċji soċjali diġà eżistenti, u jassiguraw li jinżammu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku. Dan huwa minnu speċjalment minħabba t-tħassib taċ-ċittadini li qed iwassal għal reazzjoni negattiva kontra l-globalizzazzjoni,” qalet Mizzi.

More in Politika