
'Il-Presidenza ta' Malta ma tistax tiġi dominata minn Brexit'
Il-presidenza se tkun qed iġġib lejn pajjiżna mal-20,000 delegat għal-laqgħat

More in Politika
Il-presidenza se tkun qed iġġib lejn pajjiżna mal-20,000 delegat għal-laqgħat
Waqt it-tnedija tal-prijoritajiet u l-identità viżwali għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-2017, id-deputat Prim Ministru Louis Grech elenka l-prijoritajiet li l-presidenza ta' Malta se jkollha hekk kif tibda, fl-2017. Il-prijorità ewlenija li semma Grech kienet l-immigrazzjoni fejn semma li din hi xi ħaġa li tolqot lill-Ewropa kollha u mhux biss lil Malta u l-pajjiżi Mediterranji. Minbarra dan, semma kif is-sigurtà se tkun prijorità importanti, flimkien mal-importanza tas-suq uniku Ewropew, fejn saħaq li hemm bżonn li jkun hemm momentun fuq is-suq waħdieni u anke s-suq diġitali.
Minbarra dawn l-oqsma bħala prijorità, il-Ministru Grech saħaq li l-element soċjali huwa importanti għal din il-presidenza, bl-inklużjoni soċjali tkun għan importanti.
Louis Grech semma wkoll kif minkejja li se jiġu ċċelebrati diversi attivitajiet li jfakkru l-passt tal-Unjoni, għan primarjku huwa li tiġi offruta viżjoni għall-futur tal-għaqda, u tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini. Semma wkoll kif il-Presidenza ta' Malta hija waħda kumplessa anke minħabba ż-żmien li se tkun ġejja fiha, partikolarment bil-kwistjoni Brexit, imma saħaq li dan m'għandux ikun il-fokus tal-Presidenza. "Il-Presidenza ma tistax tiġi ddominata minn Brexit, u wieħed irid iħares lejn il-futur tal-UE. Se nkunu presidenza li nippruvaw nibdew il-proċess li nistgħu nħarsu 'l quddiem lejn il-futur u nġibu l-fiduċja taċ-ċittadini," sostna Grech.
Minkejja li rrikonoxxa l-kumplessità ta' din il-presidenza, Grech qal li Malta tinsab preparata tajjeb, u qed tassumi r-responsabbiltà tajjeb għal dak li ġej. "Din hija opportunità unika li turi kemm pajjiżna huwa matur u miexi 'l quddiem."
Fit-tnedija tal-viżjoni u l-identità viżwali, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg sosta li matul il-Presidenza, Malta se tkun qed tmexxi mal-1,800 laqgħa, li 300 minnhom se jkunu qed isiru f'Malta, fosthom is-summit ta' Frar, li jiġi wara dak li sar fi Bratislava. Fil-fatt, dawn il-laqgħat se jkunu qed iġibu mal-20,000 delegat lejn pajjiżna.
Borg sostna li pajjiżna jinsab preparat għal din il-Presidenza u jinsab, "konvint li se nkunu qed nagħmlu biċċa xogħol tajba. Bħalma kellhom kliem ta' tifħir lejn pajjiżna, Juncker, Tusk u Shulz, aħna se naħdmu biex nagħmlu lil pajjiżna kburi."