[Aġġornata] Wisq kumbinazzjonijiet f'bejgħ li qed jinten minn ħafna bnadi...'

L-Oppożizzjoni titlob kumitat parlamentari jinvestiga il-kuntratti tal-bejgħ tal-isptarijiet

L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa jgħarbel sewwa l-kuntratti għall-bejgħ tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u t'Għawdex. Il-bejgħ tagħhom qed jinten minn ħafna bnadi u kuljum qed jinkixfu fatti ġodda li juru li dan kien bejgħ korrott jumejn qabel dawk involuti taw l-approvazzjoni tagħhom biex jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Chris Said u mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake li fiha wrew kif hemm wisq 'kumbinazzjonijiet' f'bejgħ li qed jinten minn ħafna bnadi.

Claudette Buttigieg qalet li dan mill-ewwel kien ftehim jinten għax sigriet, ma' xi ħadd li m'għandu l-ebda esperjenza ta' tmexxija ta' sptarijiet. Ram Tumuluri m'għandux esperjenza ta' tmexxija u lanqas il-kapital, waqt li r-reputazzjoni li għandu hi waħda ħażina.

Hi qalet li Ram Tumuluri qed iservi ta' faċċata għal kumpanija li rreġistrat f'Malta ftit ġranet biss qabel ma l-Gvern qal li kienet il-kumpanija preferuta biex jagħtiha l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u t'Għawdex.

Il-kumpanija kif reġistrata f'Malta hi ta' kumpanija barranija bi struttura oskura rreġistrata f'ġurisdizzjonijiet fejn isir il-ħabi u, fil-fatt, ħadd ma jaf verament ta' min hi u min se jkun verament qed imexxi dawn it-tliet sptarijiet u jitħallas biex jagħmel dan.

L-intejjen ikomplu jikbru meta issa sar magħruf li l-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jħallas mill-anqas 55 miljun dollaru fis-sena għal mill-anqas tletin sena lil min sar miegħu dan il-ftehim. Il-mistoqsija hi: min se jdaħħalhom dawn il-55 miljun dollaru?

Il-Gvern qed jistenna wisq li l-poplu Malti u Għawdxi jemmen li kienet biss kumbinazzjoni li jumejn qabel sar dan il-ftehim, l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu taw l-approvazzjoni tagħhom għall-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.

Claudette Buttigieg qalet li, "b'dawn id-dubji kollha, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq dan il-ftehim u kull ftehim ieħor marbut miegħu għal skrutinju veru  quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa. L-Oppożizzjoni se tkun qed tikteb liċ-Chairman ta' dan il-Kumitat, Etienne Grech, biex fl-iqsar żmien possibbli jibda dan l-iskrutinju u biex quddiem il-Kumitat jissejħu l-individwi kollha involuti f'dan il-ftehim.

Chris Said saħaq li ħareġ ukoll l-Gvern għamel taħditiet dwar dan il-ftehim qabel ma ħarġet is-sejħa pubblika f'April 2015. Sa minn erba' xhur qabel, Ram Tumuluri kien qed jiltaqa' ma' negozjanti Maltin u jiftaħar li l-proċess tat-tender kien wieħed bla kmopetizzjoni vera. Konrad Mizzi baqa' jiffirma l-kuntratti ma' Ram Tumuluri anke wara li spiċċa minn Ministru tas-Saħħa.

Chris Said qal li b'dan il-kuntratt, il-poplu Malti u Għawdxi tilef l-uniku sptar f'Għawdex u l-akbar post għal sptar alternattiv f'Malta.

David Thake spjega kif dawn id-dubji jkomplu joħorġu permezz tad-dokument tal-Qorti Suprema tal-British Columbia fil-Kanada fejn Ram Tumuluri hu implikat fi frodi.

“Ram Tumuluri, li miegħu ffirma l-ftehim il-Gvern, hu mfittex għal frodi f'pajjiżi barranin u, kieku saru riċerki tajba minn qabel, dan il-fatt kien joħroġ mill-ewwel. Minflok iċċekkja lil Ram Tumuluri, il-Gvern iffirma ftehim li partijiet importanti tiegħu għadhom sigrieti, evidentement għax il-Gvern għandu x'jaħbi,” temm jgħid David Thake.

L-Oppożizzjoni ma tiflaħx tara riżultati pożittivi

L-Oppożizzjoni ma tiflaħx tara riżultati pożittivi jseħħu fil-qasam tas-saħħa u se tibqa’ tirrepeti stejjer ivvintati dwar l-investiment privat ta’ €200 miljun li se jara trasformazzjoni pożittiva għall-ġid tal-pazjenti Għawdxin u Maltin.

F’dan il-proġett, il-Gvern ingħaqad mal-aqwa ismijiet fil-qasam tal-mediċina fosthom Partners Healthcare International li jmexxu t-teaching hospitals tal-Univeristà ta’ Harvard u li għandhom istituzzjonijiet mediċi f’40 pajjiż. Ismijiet rinomati fil-qasam mediku Malti, bħal Professur u eks-Deputat tal-Oppożizzjoni Albert Fenech u l-ġinekologu Mark Brincat diġà qed ipoġġu fuq il-bord mediku ta’ Vitals Global Healthcare li l-istess Oppożizzjoni tant qed tattakka bl-addoċċ.

Huwa ċar li, frott il-bitterness tiegħu, l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ireġġa’ l-arloġġ lura għas-sitwazzjoni tas-saħħa li ħalla warajh fil-leġislatura li għaddiet. Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli miexi ’l quddiem fid-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu biex titwettaq il-bidla meħtieġa fil-qasam tas-saħħa biex ikollna qasam tas-saħħa worldclass f’Għawdex u f’Malta.

L-Oppożizzjoni ħalliet warajha stennija esaġerata għall-operazzjonijiet, pazjenti bla dinjità fil-kurituri, u mediċini out of stock. Fuq kollox, ir-riżultat tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien St Luke’s magħluq u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’livelli ta’ pajjiż tat-tielet dinja. Dan il-Gvern huwa differenti u qed iwettaq il-bidla li wiegħed. B’ħidma mal-privat u b’investiment ta’ €200 miljun, tliet sptarijiet li tħallew jitmermru taħt il-Partit Nazzjonalista, se jingħataw ħajja ġdida u kull pazjent se jibda jingħata l-aqwa kura, f’post adattat, fl-inqas ħin possibbli u din il-kura se tibqa’ b’xejn.

More in Politika