Iċ-Ċittadella se ssir bil-ħlas

'Biex tmexxi ċ-Ċittadella, bilfors trid xi tip ta’ introjtu, inkella l-piż ta’ manutenzjoni se jkollu jaqa’ fuq in-nies.'

Iċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex se ssir bil-ħlas. Dan ikkonfermah mal-gazzetta ILLUM iċ-chairman tal-Kumitat għall-Immaniġġjar taċ-Ċittadella, Mons. Joe Vella Gauci, li qal li “biex tmexxi ċ-Ċittadella, bilfors trid xi tip ta’ introjtu, inkella l-piż ta’ manutenzjoni se jkollu jaqa’ fuq in-nies.”

Fil-fatt, Vella Gauci saħaq li sas-sena 2020, iċ-Ċittadella se jkollha bżonn €1.7 miljun għall-manutenzjoni tagħha. Meta mistoqsi dwar il-prezz tal-entratura jew meta se tkun introdotta din is-sistema, Vella Gauci qal li dan għad irid jiġi diskuss sabiex jilħaq jingħata ċ-ċans li jsiru l-bidliet neċessarji għal dan.

Qal ukoll li din il-kwistjoni m’għandhiex tiġi politiċizzata, għax “iċ-Ċittadella hi għal kulħadd u biex tibqa’ ġawhra, teħtieġ manutenzjoni kbira.”

‘Biex tmexxi ċ-Ċittadella trid bilfors xi tip ta’ introjtu’ – Mons. Joe Vella Gauci

Mons. Joe Vella Gauci
Mons. Joe Vella Gauci

Waqt id-diskors tal-estimi tal-baġit għall-Ministeru t’Għawdex, Anton Refalo ġie mistoqsi mill-kelliem għall-Oppożizzjoni Chris Said jekk iċ-Ċittadella hux se tiġi bil-ħlas. Il-Ministru għal Għawdex wieġbu li l-mistoqsija għandu jagħmilha lill-Kumitat għall-Immaniġġjar taċ-Ċittadella.

Għalhekk l-ILLUM, ħadet il-kwistjoni f’idejha u għamlet din il-mistoqsija hi lil dan il-kumitat.  Fil-fatt, din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Mons Joe Vella Gauci li hu ċ-chairman tal-kumitat imsemmi sabiex tistaqsih din il-mistoqsija. Bla tlaqliq ta’ xejn, Vella Gauci kkonferma li ċ-Ċittadella se ssir bil-ħlas. Mitlub jgħidilna kemm se jkun il-biljett u meta se tiġi introdotta din is-sistema Mons Vella Gauci qalilna li hu taha sena ‘breathing space’ biex jilħqu jsiru diversi bidliet neċessarji bħall-bidla tal-kumitat f’fondazzjoni b’karattru legali. Bħalissa hemm 50 impjegat li għandhom il-ħlas garantit sa sena. Qalilna wkoll li hu jrid ineħħi l-mentalità li biex taħdem iċ-Ċittadella trid mill-Gvern, u minflok, għandha tkun il-kumpanija jew il-fondazzjoni li timpjega lin-nies u ċ-Ċittadella m’għandiex tkun ta’ piż fuq il-gvern.

“Ta’ min isemmi wkoll li l-forti Sant Anġlu biex tidħol fih hu bil-ħlas u dan, bħaċ-Ċittadella wkoll ġie restawrat bil-fondi Ewropej.” Mistoqsi kemm se jkun il-prezz tal-biljett, Mons Vella Gauci qal li ma setax isemmi prezzijiet alissa, għax dan għadu f’fażi ta’ studju. “Qed inħarsu lejn diversi għażliet iżda jidher li l-aktar waħda li ntlaqgħet hi ta’ biljett wieħed li jagħtik id-dritt li tidħol fil-Katidral u f’kull mużew li hemm, inkluż iċ-ċentru tal-viżitaturi.”

Mal-ILLUM, Vella Gauci qal li l-kumitat jaqbel li ċ-Ċittadella trid toħloq forma ta’ dħul awtonomu biex tkun tista’ titmexxa mingħajr mal-piż jaqa’ fuq il-poplu Malti. “Sas-sena 2020, iċ-Ċittadella għandha bżonn €1.7 miljuni għall-manutenzjoni tagħha. Immaġina sal-2025 kemm il-miljun ieħor ikun hemm bżonn. Jekk mhux se noħolqu forma ta’ introjtu, ma jistax ikun li titmexxa. Inkella din is-somma trid taqa’ fuq il-poplu kollu. Jien u l-kumitat ma naqblux ma’ dan għax għandna ruħ soċjali u nemmen li dawk il-flus aħjar imorru f’għajnuna soċjali għall-poplu tagħna milli għaċ-Ċittadella. Din għandha potenzjal biżżejjed biex tiġġenera introjtu waħedha, mingħajr ma tagħmel qligħ, u tiġġenera l-fondi tagħha.”

Sadanittant, fl-istess seduta Parlamentari, il-membru Parlamentari Nazzjonalista Frederick Azzopardi qal li dan ma jistax isir minħabba li ċ-Ċittadella ngħatat dan il-wiċċ ġdid mill-fondi Ewropej li jżommuk milli tagħmel xi tip ta’ introjtu minnu. Dwar dan, Joe Vella Gauci ma qabilx u qal li “Frederick għandu żball, għax il-liġi Ewropeaa ma tgħidlekx li ma jistax ikollok introjtu, iżda li ma tagħmilx qligħ. Iċ-Ċittadella ħadet il-massimu tal-fondi mill-Ewropa, jiġifieri l-85%, u lill-Ewropa trid troddilha l-flus lura biss, jekk wieħed ikun qed jagħmel il-qligħ.”

Mons Vella Gauci kompla jgħid ukoll li għad irid isiru emendi fis-CBA (Cost Benefit Analysis). Din il-gazzetta staqsiet jekk dan ifissirx li jekk Għawdxi jkun jrid imur il-Katidral biex jitlob ikollux iħallas. “Skont l-Unjoni Ewropea, ma tistax tagħmel differenza bejn Malti jew Għawdxi u ċittadin ieħor fl-Ewropa. Iżda aħna lesti li nikkunsidraw kull possibbiltà.”

Fil-fatt minn riċerka żgħira li għamlet l-ILLUM deher kif fil-belt Taljana ta’ Firenze, turist ikollu jħallas biex jidħol f’diversi knejjes, iżda min ikollu karta ta’ identità tal-post, jidħol b’xejn. Dwar dan il-fatt, Vella Gauci qal li dan hu eżempju tajjeb li huma jistgħu jaħdmu fuqu.”

Monsinjur Vella Gauci qal li hu żball kbir li dan il-fatt isir ballun politiku partiġġjan, “Trid tispiċċa l-filosofija ta’ ‘teżi u antiteżi’. Mhux sew li nopponuha speċifikament għax inkunu parti mill-Oppożizzjoni. Iċ-Ċittadella mhux ħamra, bluna jew ħadra, iżda hi ta’ kulħadd u biex tibqa’ ġawhra kif saret trid manetunzjoni kbira l-ħin kollu u biex tagħmel dan trid il-ħaddiema biex inaddfu, biex jiġi kultivat it-turf u biex jagħmlu manutenzjoni. Dan minbarra l-ispejjeż biex titnaddaf is-sistema tad-drenaġġ li ssir kull ġimagħtejn. Id-deċiżjonijiet li rridu nieħdu għal din il-ġawhra ma noħduhomx minn xi lenti partiġġjana. Qegħdin 20 membru f’dan il-kumitat li ġejjin minn kull parti mill-ħajja Għawdxija bħall-GBC, GTA, il-Pulizija, Heritage Malta, u kollha bla kuluri. Issa jekk hemm xi ħadd kontra li ċ-Ċittadella ssir bi ħlas nitolbuh jagħtina l-proposti hu,” temm jgħid iċ-chairman tal-Kumitat għall-Immaniġġjar taċ-Ċittadella.

More in Politika