
Il-PN jagħti t-tort kollu lill-Deborah Schembri
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li Deborah Schembri għandha terfa’ r-responsabbiltà politika dwar il-Master Plan ta’ Paceville

More in Politika
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li Deborah Schembri għandha terfa’ r-responsabbiltà politika dwar il-Master Plan ta’ Paceville
Fid-dawl tal-kontroversja dwar il-Master Plan ta’ Paceville u l-għotja tal-kuntratt lill-kumpanija Mott MacDonald, il-Partit Nazzjonalista juri t-tħassib tiegħu, hekk kif jirrifletti dak imressaq mir-residenti u mill-operaturi privati.
Fi stqarrija maħruġa mill-PN, jingħad li dan it-tħassib huwa relatat mall-kunflitt ta' interess tal-kumpanija mqabbda mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tfassal il-masterplan għal Paceville u dwar is-serjetà tar-rapport innifsu.
L-allegazzjonijiet tal-PN jiġu nfurzati aktar bil-fatt li rappreżentant mill-kumpanija Mott MacDonald żvela li l-kumpanija, li diġà tħallset €300,000, kienet imqabbda tikkonsulta fuq strateġija għat-trasport, u mhux biex tagħal-Master Plan ta’ Paceville
Minħabba dawn l-allegazzjonijiet, il-PN qed jitlob li tintrefa' responsabbiltà politika mis-Segretarja Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Deborah Schembri, għal dawn in-nuqqasijiet li twettqu taħt il-ħarsien tagħha.
“Il-kunflitt ta' interess li għandha l-kumpanija Mott MacDonald, li għamlet xogħol għall-Gvern li jrid jirregola s-sitwazzjoni u fl-istess ħin għal kumpanija li tista' tibbenefika mill-istess pjan, ħareg ċar waqt il-laqgħa parlamentari li ddiskutiet dan il-masterplan,” tennew l-PN, hekk kif sostnew li li huwa inaċċettabli li Deborah Schembri tipprova tfarfar mir-responsabbiltà bl-iskuża li hi ma kellhiex idea ta' x'kien qed isir taħt imneħirha stess fl-awtorità li hi stess responsabbli minnha.
Għaldaqstant, skont il-PN, l-uniku rimedju għal din il-kwistjoni huwa li Mott McDonald jitwaqqfu minnufih u jsir pjan ġdid li jinkorpora l-interessi ta' kulħadd, mhux biss tal-ftit magħżula.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li immedjatament jerġa' jibda l-proċess għat-tfassil mill-ġdid ta' masterplan għal Paceville li jkun fl-interess tar-residenti, tal-operaturii u tan-negozji ż-żgħar kollha u mhux jiffoka biss fuq il-ftit siti identifikati mill-Awtorità tal-Ippjanar u tinħareg sejħa pubblika minnufih li tassigura li l-masterplan għal Paceville isir minn konsulenti indipendenti u li m'għandhom l-ebda kunflitt ta' interess.