Min iħaddem iwissi...tilagħbux bl-impjiegi u bil-pajjiż

L-għaqda ta' min iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU fi twissija ċara lill-politiċi dwar żieda fil-paga minima

L-għaqdiet ta' min iħaddem, il-MEA, il-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU qalu li ż-żieda fil-paga minima u d-diskussjoni dwarha għandhom jittieħdu b'ċerta kawtela. Fi stqarrija, dawn l-għaqdiet saħqu li deċiżjoni ta' dan it-tip, "jista' jkollha konsegwenzi serji fuq il-kompetittività ta' pajjiżna."

L-għaqdiet spjegaw kif il-problema tagħhom mhix fil-fatt li tiżdied il-paga minima imma l-effett li dan imbagħad se jkollu fuq il-pagi kollha. "Li tipperikola l-kompetittività tas-settur privat u l-potenzjal tal-esportazzjoni tal-pajjiż, jista' fil-fatt jkun ta' dannu għall-bażi tal-ekonomija," żiedu jgħidu l-MEA, il-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ.

Komplew jgħidu li permezz tas-sistema fejn il-pagi jiġu nnegozjati fuq livell ta' intrapriża, li hi xi ħaġa rari fil-kuntest Ewropew, huwa persentaġġ żgħir biss tal-ħaddiema Maltin li fil-fatt jaqilgħu l-paga minima.

L-għaqdiet, fil-fatt ikwotaw rapport maħruġ mill-MCESD li jitfa' dubju dwar jekk żieda fil-paga minima fil-fatt hix il-miżura ideali, u jipproponu li jkun hemm miżuri iktar diretti.

Komplew jisħqu li t-tattiċi tal-partiti politiċi li jitkellmu mingħajr ma jkunu għadhom saru d-diskussjonijiet neċessarji fuq is-suġġett, huma tattiċi li jaraw sa mneħirhom, irrisponsabbli u inaċċettabbli. Fil-fatt, temmew billi appellaw lill-imsieħba kollha sabiex ma jkunux parti minn dawn il-logħob politiċi li jistgħu jkunu ta' riskju fuq il-ħaddiema u l-iżvilupp soċjali u ekonomoku tal-pajjiż.

More in Politika