Servizzi pubbliċi online aktar aċċessibbli għall-anzjani u persuni b'diżabilita

Marlene Mizzi tat l-appoġġ tagħha għal dawn il-miżuri ġodda

Il-MPE Marlene Mizzi tat l-appoġġ tagħha għal miżuri ġodda, li kien hemm qbil fuqhom fil-Parlament Ewropew, li jagħtu lill-anzjani u l-persuni bi bżonnijiet speċjali aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi, u siti u apps ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal sptarijiet, qrati u setturi pubbliċi oħrajn fuq l-internet.

“L-aċċess għal siti pubbliċi fuq l-internet u għall-e-government huwa importanti ħafna u dalwaqt ma nkunux nistgħu ngħaddu mingħajru. L-amministrazzjonijiet pubbliċi qed isiru dejjem aktar diġitali u n-nies dalwaqt se jibdew ikollhom jibagħtu d-dikjarazzjoni tat-taxxa, iħallsu l-kontijiet u t-taxxi, u japplikaw għall-benefiċċji b’mod diġitali. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li s-siti u l-applikazzjonijiet pubbliċi jsiru aċċessibbli għal kulħadd,” qalet l-MPE Mizzi ftit wara li ttieħed il-vot.

Skont il-liġijiet il-ġodda, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jridu jassiguraw li s-siti u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tas-settur pubbliku jilħqu l-istandards ta’ aċċessibbiltà għal kulħadd. L-Ewroparlamentari assiguraw ukoll li l-apps li jintużaw fuq apparat elettroniku, bħal smartphones u tablets, ikunu konformi mar-regoli l-ġodda.

Marlene Mizzi qalet: “L-era diġitali tista’ tkun ta’ sfida għal persuni bi bżonnijiet speċjali, b’mod partikolari għal dawk neqsin mid-dawl. Fl-Ewropa waħedha għandna 80 miljun Ewropew u Ewropea li huma neqsin mid-dawl jew għandhom diżabbiltajiet oħrajn, u dan in-numru huwa mistenni jiżdied għal 120 miljun sal-2020. Din id-Direttiva hija pass ‘il quddiem biex nindirizzaw id-dimensjonijiet soċjali tas-suq uniku diġitali u ta’ soċjetà diġitali tassew inklussiva.”

“Il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jsibu l-problemi biex jidħlu fuq xi siti tal-internet li ma jinkludux test alternattiv għal stampi jew kitba li tiddeskrivi dak li jinstema’ fuq vidjow. Fid-dawl tar-rivoluzzjoni diġitali u l-immudellar mill-ġdid tas-setturi pubbliċi biex ikunu bbażati fuq is-servizzi diġitali, huwa importanti li nassiguraw li s-siti uffiċjali joffru aċċess vitali fil-bosta servizzi pubbliċi,” qalet l-Ewroparlamentari Mizzi.

Aktar minn qatt qabel irridu regoli li juru lin-nies l-modi tajbin u pożittivi li bihom leġiżlazzjoni Ewropea tista’ tibdel ħajjithom u l-attivitajiet ta’ kuljum għall-aħjar,” qalet Marlene Mizzi.

More in Politika