'Gvern li qiegħed hemm biex jisserva, mhux iservi'

Simon Busuttil sejjaħ bħala fażull u farsa l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-tanker tal-gass

"Minħabba l-powerstation ta’ Muscat, deskritta bħala monument tal-korruzzjoni, dan il-Gvern se jkun qed jonfoq €100 miljun iktar f’xiri tal-elettriku minħabba li seta’ ffrankahom billi jixtri l-elettriku mill-interconnector."

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jindirizza attività politika fi Fleur-de-Lys, Santa Venera. Huwa tenna l-impenn ta’ gvern ġdid Nazzjonalista li jixtri l-elettriku minn fejn ikun l-iktar irħis. 

Simon Busuttil sejjaħ bħala fażull u farsa l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-tanker tal-gass li qed isir wara li nbniet il-powerstation u wara li daħal it-tanker tal-gass. 

Dwar il-kuntratti dwar il-privatizazzjoni tal-isptarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li jumejn wara li kienu ffirmati dawn il-kuntratti, ingħatat il-‘go-ahead’ biex jinfetħu l-kontijiet fil-Panama. 

Simon Busuttil fakkar li wasal iż-żmien li l-poplu jagħti risposta lil dan il-gvern u fl-elezzjoni li ġejja jagħżel politiċi li jaħdmu fl-interess tal-poplu u mhux fl-interess tagħhom.

More in Politika