Wara li s-sena li għaddiet, il-pensjonanti miżżewġa li jkunu b'pensjoni waħda, raw żieda ta' €4.15 fil-ġimgħa, din is-sena, se jkunu qed jaraw żieda oħra ta' €4 fil-ġimgħa, li tammonta għal €208 fis-sena. Din se tkun qed tingħata pro-rata anke lil min għandu pensjoni ftit ogħla mill-Pensjoni Minima.
Iż-żieda mħabbra se titħallas ukoll lill-pensjonanti miżżewġin li jieħdu l-Pensjoni tal-Età. Minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 2,500 pensjonanti miżżewġin.
Matul il-Baġit għas-sena 2017, tħabbar kif se tkun qed tinqata' l-income tax fuq pensjoni li jiġu minn sorsi differenti, inkluż dik tas-sigurtà soċjali, tat-teżor, kif ukoll pensjonijiet lokali jew barranin li jammontaw sa massimu ta’ €13,000. Din ir-riforma ser titqassam fuq medda ta’ sentejn. Flaħħar tas-sentejn, pensjonant ser ikun iggwadanja ħelsien mittaxxa sa massimu ta’ €585 fis-sena.
Se terġa' tkun qed tingħata għotja ta' €300 fis-sena lil dawk l-anzjani li jkunu għalqu 75 sena u għadhom jgħixu fi djarhom.
Matul is-sena d-dieħla, il-bonus li kien jingħata lil dawk il-persuni li ma jkunux laħqu l-ammont minimu ta' snin sabiex jikkwalifikaw għall-pensjoni, se jkun qed jiżdied b'€50 fis-sena. B’hekk, il-bonus ta’ dawk li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda m’għalqux 75 sena u li ħallsu aktar minn sena kontribuzzjonijiet iżda anqas minn 5 snin, se jiżdied minn €100 għal €150, filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet se jiżdied minn €200 għal €250 fis-sena. B’din il-miżura se jibbenefikaw madwar 12,500 persuna.
Tħabbar ukoll kif se jkun hemm riformi fil-Pensjoni tal-Wens u l-Allowance tal-Carers, b'tal-wens tiżdied b'€1,820 fis-sena u tal-carer b'€728 fis-sena.