Se tixtri l-ewwel proprjetà? Se tiffranka t-taxxa fuq l-ewwel €150,000

Jekk tixtri proprjetà  f'Għawdex, tiffranka 3% tal-boll

Għat-tielet darba konsekuttiva, se tkun estiża l-iskema tal-first time buyers, għal koppji żgħażagħ u individwi li se jkunu qed jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, se jkunu qed igawdu minn eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000.

Minbarra dan, fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2017, il-Ministru Edward Scicluna ħabbar kif l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tniedi żewġ skemi ġodda sabiex first time buyers li jixtru proprjetà fiż-Żona ta' Konservazzjoni Urbana (UCA) jew bini skedat fl-ewwel u t-tieni grad, ikunu jistgħu jgawdu minn massimu ta' €100,000.

Ġie mħabbar ukoll li proprjetà li tinxtara fil-gżira Għawdxija se jkollha tnaqqis ta' 3% fit-taxxa tal-boll, minn 5% għal 2%. Dan jgħodd għal min jidħol f’konvenju matul l-2017 u jkun reġistrat mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni sal-31 ta’ Diċembru 2017, u jikkonkludi l-kuntratt sal-aħħar tal-2018.

Fil-Baġit għall-2017, tħabbar kif persuni li jkollhom negozju tal-familja, se jkollhom konċessjoni ta' 12-il xahar fit-tnaqqis tal-boll, minn 5% għal 1.5% meta ġenitur jitrasferixxi n-negozju lit-tfal tiegħu.

More in Politika