Therese Comodini Cachia maħtura Rapporteur

se ssaħħaħ l-aċċess għall-kotba, films, diski, r-radju u l-istazzjonijiet televiżivi

 

“Iċ-ċittadini Ewropej iridu aċċess akbar għall-films, diski, kotba u stazzjonijiet televiżivi. L-immodernizzar tal-liġijiet Ewropej, biex il-konsumaturi jkollhom aktar għażla għall-kontenut, huwa essenzjali fiż-żmien tal-internet u jirrifletti l-aspriazzjonijiet taċ-ċittadini. Dan huwa preċiżament dak li se nkun qed immexxi bħala Rapporteur.” Hekk qalet l-MEP Maltija Therese Comodini Cachia wara li nħatret Rapporter mill-Kumitat Legali fil-Parlament Ewropew (JURI).

 

Comodini Cachia qalet li din ir-riforma mhux biss se tkabbar l-aċċess għall-kontenut lill-konsumaturi iżda se tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-materjal diġitali lill-istudenti, l-għalliema u l-iskejjel. Se tgħin ukoll lir-riċerkaturi f’xogħolhom u ssaħħaħ il-ħarsien tal-wirt kulturali. Ir-riforma se tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-publikazzjonijiet f’format differenti lil persuni bi bżonnijiet speċjali. 

 

Therese Comodini Cachia enfasizzat fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-industriji tal-kreattività u l-kultura. Saħqet li “mingħajr min joħloq il-kontenut, il-konsumaturi ma jistgħux igawdu mill-aċċess għall-kontenut u għalhekk ix-xogħlijiet ta’ min joħloq dan il-kontenut għandu jiġi rikonoxxut u apprezzat.” Fil-ġimgħat li ġejjin Comodini Cachia se tkompli tiltaqa’ mal-partijiet kollha nvoluti kemm f’Malta kif ukoll fi Brussell sabiex tiżgura li din ir-riforma tinkludi l-istil ta’ ħajja diġitali. Hija ħeġġet li min hu involut sabiex iressaq il-proposti.

 

Therese Comodini Cachia għandha esperjenza vasta f’dan is-settur u diġà ħadmet bħala Rapporteur għall-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq direttivi oħra simili Ewropej. Ir-riforma f’dan is-settur hija ferm meħtieġa hekk kif ir-regoli preżenti Ewropej imorru lura għall-2001 fi żmien li ma kienx jirrifletti l-użu tal-internet.

More in Politika