Il-famuż tanker tal-gas Armada LNG Mediterrana tant mistenni, fost ħafna kontroversja politika, sa fl-aħħar se jtemm il-vjaġġ tiegħu lejn Malta u jasal għada.
Id-dettalji tal-wasla ġew ikkomfermati minn ElectroGas Malta. Fi stqarrija huma qalu li t-tanker se jkun ankrat il-barra mill-kosta ta’ Malta tul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn.
Il-vapur għandu mbgħad javża l-Awtorità tal-Port dwar l-aħjar żmien sabiex ikompli fuq triqtu lejn il-bajja ta’ Marsaxlokk sabiex hemmhekk jieħu sehem fi provi fil-baħar. Numru ta’ provi dwar is-sigurtà u l-familjarizazzjoni mal-vapur se jsiru waqt li l-vapur ikun għadu vojt mit-tgħabija ta’ gass li se jkun qed iġorr. Il-provi se jseħħu tul numru ta’ ġranet, fejn fit-tmien tagħhom, it-tanker jerġa jitlaq mill-port.
Il-provi kollha se jkunu kordinati bejn ElectroGas, BumiArmada u l-Awtorità tal-Port.
It-Tanker tal-gas Armada LNG Mediterrana fi triqtu lejn Malta
It-tanker, li huwa unità ta’ ħażna fuq wiċċ l-ilma, huwa parti integrali mill-proġett tal-ElecteroGas bil-għan li toffri enerġija aktar nadifa u sikura lil Malta. Il-vapur innifsu, ġie maqlub għal dan l-użu f’Tarzna f’Singapore fi proġett li ħa 1.5 miljun siegħa ta’ xogħol. It-tanker se jkolli l-kapaċità ta’ madwar 125,000 metru kubu ta’ gass.
Anke qabel ma’ telaq lejn Malta, il-vapur Armada LNG Mediterrana, sarulu numru ta’ provi dwar is-sigurtà fit-tarzna f’Singapore stess, fejn wara li dawn għaddew b’suċċess, il-vapur telaq fi triqtu lejn Malta, skortat minn numru ta’ bastimenti oħra inkarigati mis-sigurtà tiegħu waqt il-vjaġġ.
Intant f’Dellimara, il-pont mibni biex jilqa’ t-tanker huwa lest sabiex dan jatrakka miegħu bl-aktar mod sigur, wara li anke fuq dan il-pont stess, saru numru ta’ provi tul l-aħħar xhur.