Feraħlu u wara vvota kontrih

Leo Brincat jikkonferma li MPE Nazzjonalista feraħlu meta għadda...Cuschieri jgħid li hu David Casa

Il-każ tal-approvazzjoni ta’ Leo Brincat bħala membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri baqa’ joħloq kontroversja sħiħa f’Malta, anke jekk iktar kmieni din il-ġimgħa n-nomina tiegħu kienet approvata mill-Kunsill tal-Ministri.

Wara li t-tliet Membri Parlamentari Ewropej (MPE) Nazzjonalisti flimkien mal-Partit Popolari Ewropew u numru ta’ MPE oħrajn minn gruppi politiċi oħra ivvutaw kontra n-nomina ta’ Brincat, l-eks President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri sfida lil David Casa pubblikament biex jgħid hux vera li l-ewwel mar jifraħ lil Brincat, biex imbagħad fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, ivvota kontrih. F’kuntatt mal-ILLUM Cuschieri spjega kif barra David Casa kien hemm diversi shadow Ministers tal-PN li ċemplu lil Leo Brincat u ferħulu, ftit biss qabel bdew kampanja biex in-nomina tiegħu ma tgħaddix fil-Parlament Ewropew. Cuschieri kiteb, “se nkun qed nistenna x’se jwieġbu, imbagħad nitkellmu aktar ċar.”

L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Leo Brincat, ftit qabel ma dan irreżenja minn Deputat Parlamentari, u staqsa jekk dak li qal Cuschieri hux minnu. Brincat ikkonferma u wieġeb lill-ILLUM b’messaġġ li jgħid, ‘Yes, an Opposition MEP did’ (‘Iva, MPE tal-Oppożizzjoni feraħli’). Mitlub jgħidilna jekk kienx David Casa, Leo Brincat qalilna li ma kellu xejn xi jżid aktar ma’ dak li qalilna għax, ‘Nhar il-Ġimgħa f’nofsinhar irreżenjajt mill-Parlament u jien issa barra mill-politika’.

Intant, l-ILLUM għamlet kuntatt ma’ kelliem tal-PN biex ikun jista’ jistabilixxi kuntatt ma’ Casa u jistaqsih jekk hux minnu li l-ewwel mar jifraħ lil Brincat, biex imbagħad ivvota kontrih. Sakemm morna għall-pubblikazzjoni, konna għadna mingħajr risposta.

‘Il-Ministri ma sfiduċjawx il-Parlament, bħalma l-Parlament ma sfiduċjax lill-kumitat’ – Miriam Dalli

L-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli, meta mistoqsija dwar jekk il-vot tal-Ministri Ewropej li approva n-nomina Leo Brincat huwiex vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Ewropew, hi fakkret li t-trattat jipprovdi għal dan, “u għalhekk le, mhu ebda vot ta’ sfiduċja. Bħalma l-vot tal-Parlament Ewropew mhux vot ta’ sfiduċja fil-Kumitat li fl-ewwel fażi approva lill-istess Leo Brincat. It-trattat jipprovdi għal sitwazzjoni fejn kandidat minflok jgħaddi minn tliet fażijiet, jgħaddi minn tnejn, bħal Brincat.”

Miriam Dalli kompliet tikkumenta li hi tħossha ferm dispjaċuta għal mod kif il-membri Parlamentari Maltin fi ħdan il-PPE imxew fil-każ tal-kandidat Malti, “għalkemm aħna qegħdin f’żewġ gruppi differenti, f’sitwazzjonijiet ta’ każi nazzjonali hemm ċertu qbil bejnietna li niġbdu ħabel wieħed. Iżda fil-każ ta’ Leo Brincat dan il-qbil inkiser. Min-naħa tagħna, aħna dejjem konna leali meta konna fl-Oppożizzjoni għax dejjem ivvutajna favur kull vot li kien jolqot lil pajjiżna jew membri ta’ pajjiżna. Personalment ħassejtni ferm dispjaċuta li vvutaw kontra Leo Brincat għax inħoss li isem Malta għandu jkun pożittiv dejjem u tlifna opportunità li nuru dan b’għaqda bejnietna wara l-isem ta’ Malta.”

Intant, l-ILLUM tkellmet ukoll mal-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia u staqsietha kif il-kwistjoni ta’ Brincat effetwat ir-relazzjoni ta’ bejn il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin. Comodini Cachia wieġbet hekk: “Joseph Muscat skarta l-vot tal-Parlament Ewropew, istituzzjoni li tirrappreżenta lin-nies u li jrid jerġa’ jaffaċċja fi ftit tal-ġimgħat oħra qabel jospita l-Presidenza Maltija.”

 

More in Politika