'Il-Partit Nazzjonalista jservi lilkom, u mhux jisserva bikom'

'Flok fuq il-Cafe’ Premier u Gaffarena, l-Partit Nazzjonalista jonfoq il-flus fl-anzjani Maltin u Għawdxin'

"Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jservi lin-nies u mhux li jisserva bihom. Hu wkoll il-partit tan-nies mhux biss għaliex jisma’ lin-nies, iżda għaliex qed juri kif għalih, il-politika qegħda hemm biex isservi lin-nies u biex permezz tagħha, titwettaq l-aspirazzjoni u l-viżjoni tal-ħajja tagħhom." Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema Nirnexxu Lkoll Flimkien fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Nadur Għawdex.
Simon Busuttil irrefera għall-proposti li għamel biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin. Fost dawn il-proposti hemm:

  *   li titreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u titbaxxa għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali
  *   li jiżdied is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat
  *   li tgħola l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar
  *   li tiġi riveduta t-taxxa li jħallsu dawn l-anzjani fuq dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares
  *   u li l-anzjani jkollhom aċċess għall-mediċini b’xejn


Hekk kif Ottubru hu mmarkat bħala x-xahar iddedikat għall-kanċer tas-sider, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux sew li dan il-Gvern isib il-flus għal kollox, bħall-Gaffarena u Cafe’ Premier, imbagħad ma jsibx il-flus biex jagħti t-terapija lil min għandu l-kanċer. “Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-chemotherapy kollha b’xejn” qal Simon Busuttil, “għaliex aħna nagħtu l-prijorità lilek u nservuk, mhux nisservew bik.”
Simon Busuttil qal li dawn il-proposti huma serji u li juru li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit tan-nies. Flok nonfqu €100 miljun fuq Kabinett ta’ 24 Ministru, nonfqu l-flus fl-anzjani, qal Simon Busuttil.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera għall-istħarriġ ippubblikat fuq il-Maltatoday, li jispjega kif id-distakk bejn iż-żewġ partit hu within the margin of error. Hu qal li dan hu r-riżultat tax-xogħol li sar f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs u li għalhekk jimla lil kulħadd b’kuraġġ li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. “In-nies qed jindunaw li jien qed ngħid il-verità,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
 

More in Politika