
'Il-Gvern impenjat biex jindirizza l-bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol'
It-tielet Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriża għal din is-sena

More in Politika
It-tielet Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriża għal din is-sena
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona indirizza t-tielet Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriża għal din is-sena, li fuq l-aġenda tiegħu kellu t-tema ta’ Labour Market Mismatches.
Il-Ministru Cardona rrefera għal aħħar statistika li kkonfermat li pajjiżna għandu l-aktar rata baxxa ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Huwa sostna li dan is-suċċess qed iħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni, imma wkoll qed joħloq sfidi ġodda għan-negozji u għal ekonomija tal-pajjiż.
Chris Cardona qal li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jindirriza l-isfida li jinstab bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol, ma’ kemm hawn nies lesti, disponnibbli u kapaċi jaħdmu f’xogħlijiet partikolari.
Il-Ministru Cardona tkellem fuq il-ħtieġa ta’ għaqda bejn diversi partijiet kkonċernati, b’mod partikolari d-dinja tax-xogħol u l-edukazzjoni. Qal li l-Gvern, l-edukaturi, l-ekonomisti u sidien tan-negozji jeħtieġ li mhux biss jippreparaw għal bżonnijiet immedjati ta’ r-riżorsi umani, imma wkoll għaż-żmien li ġej.
Matul il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriża saru preżentazzjonijiet minn Jobsplus u mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla fuq stħarriġ ippubblikat dan l-aħħar imsejjaħ National Employee Skills Survey, mill-Malta Employers Association fuq l-isifidi li din l-entità taħseb qed jolqtu s-suq lokali, kif ukoll miċ-Chairman tal-BICC fuq l-introduzzjoni tal-Construction Industry Skill Card.
Cardona qal li s-sejbiet li rriżultaw minn dan l-istudju, se jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati li jwasslu għal impatt pozittiv fuq il-workforce lokali, kemm fuq skala makro, kif ukoll fuq dik mikro.
Il-Ministru Cardona ħeġġeġ lid-dipartimenti konċernati biex dawn l-istudji jibqu jsiru b’mod regolari ħalli jservu ta’ għadda b’saħħitha u kejl tax-xejriet ekonomiċi u ta’ kompettività f’pajjiżna.
“Il-ħaddiema huma l-pedament tal-ekonomija tagħna. Għaldaqstant irridu nassiguraw li dawn jilħqu l-potenzjal tagħhom, biex fl-istess waqt li jkunu qed jilħqu l-aspirazzjonijet tagħhom, ikomplu jsaħħu l-ekonomija tal-pajjiż,” temm jgħid il-Ministru Cardona.