Sena u erba' xhur biss wara li ġie elett bħala sindku tal-lokalità ta' Birżebbuġa, is-sindku Kevin Barun tefa' r-riżenja tiegħu mill-kariga ta' sindku u ta' kunsillier.
Waqt li rringrazzja lil kull min kien parteċipi fil-ħidma tal-kunsill tul dan l-aħħar żmien, fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, Barun qal li din kienet deċiżjoni diffiċli li kellu jieħu, minħabba li x-xogħol ta' sindku jieħu ferm iktar ħin milli mistenni u "dan iwassal biex jittiekel il-ħin allokat għall-familja kif ukoll għax-xogħol personali li fl-aħħar mill-aħħar hu minn fejn sindku jrid jaqla l-għajxien tiegħu."
L-eks sindku, elenka l-ħidma tiegħu u tal-kunsill tul iż-żmien li kien sindku, fosthom se jibda proċess biex potenzjalment isir ix-Shore-to-ship supply u jonqsu l-ħsejjes u l-istorbju tal-Freeport.
Dan kollu wassal għal ammont kbir ta' kummenti fejn kienu bosta dawk li rringrazzjaw lil Barun tal-ħidma tiegħu fil-lokalità.