'Il-Gvern Malti stess qed jimmina l-Presidenza tal-UE'

David Casa jinsisti li jekk il-PM jipproċedi bil-kandidatura ta' Brincat, ikun qed jinsulta lill-Parlament Ewropew

"Alfred Sant jew għadu ma tgħallem xejn minn kemm ilu fil-Parlament Ewropew jew inkella, apposta qed jipppropa jfixkel lill-poplu Malti."

Dan qalu l-MEP David Casa f'risposta għall-istqarrija tal-MEP Alfred Sant iktar kmieni dalgħodu.

Casa kompla jgħid li Alfred Sant lanqas biss kien kapaċi jikkonvinċi lill-MEPs fi ħdan l-istess partit tiegħu biex jivvutaw favur in-nomina ta' Leo Brincat, u staqsa jekk hux qed jiġi suġġerit li MEPs soċjalisti ġew sfurzati jivvutaw kif ivvutaw.

"Li twaħħal fil-PN talli l-MEPs għandhom aċċess għall-internet u skoprew l-istat skandaluż tal-affarijiet f'Malta, fejn ministru li waqqaf strutturi ta' ħasil ta' flus, u baqa' fil-pożizzjoni tiegħu grazzi għall-appoġġ mill-kollegi tiegħu bħal Brincat, hija xi ħaġa estremament biżżarra," sostna Casa.

Kompla jgħid kif jekk il-Prim Ministru jipproċedi bil-kandidatura ta' Brincat, ikun qed jinsulta lill-Parlament Ewropew. "Il-konsegwenzi fuq il-Presidenza ta' Malta ma tkun tort ta' ħadd ħlief tal-Gvern stess."

More in Politika