Il-Partit Laburista lest li jinkludi l-ewtanasja bħala parti mill-programm elettorali tiegħu, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan jasal jekk l-ebda ftehim jew konsensus ġenerali ma jintlaħaq matul din il-leġiżlatura.
Il-gazzetta MaltaToday tirraporta kif Joe Magro, li jbati mill-kundizzjoni tal-ALS, u qed ikun minn ta' quddiem fil-ġlieda sabiex l-ewtanasja tiddaħħal f'pajjiżna, qal li ġie infurmat li l-PL dispost li jinkludi l-ewtanasja fil-programm elettorali tiegħu.
Id-diskussjoni dwar l-introduzzjoni tal-ewtanasja eskalat meta l-istess gazzetta kienet intervistat lil Joe Magro, li sostna li jekk l-ewtanasja ma tiddaħħalx f'pajjiżna, huwa ma jifdallux għażla għajr li jikkommetti suwiċidja, ġaladarba l-kundizzjoni ma tippermettilux li jkompli jgħix ħajtu bid-dinjità.
Magro deher quddiem il-kumitat dwar l-affarijiet tal-familja, fil-Parlament ġimagħtejn ilu, u mistenni jidher quddiem il-grupp parlamentari Laburista fil-11 ta' Awwissu li ġej.