Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ħalef waqt konferenza mill-palazz presidenzjali f’Ankara li “il-virus li hemm fil-forzi armati se jiġi meqrud.”
B’din id-dikjarazzjoni, tiżdied il-possibiltà ta’ estensjoni fid-detenzjoni ta’ aktar minn 1000 persuna li ġiet arrestata sa minn nhar il-ġimgħa.
Aktar minn 600 skola ġew magħluqin u eluf ta’ impjegati fil-qasam tal-edukazzjoni u mexxeja ta’ skejjel u universitajiet kienu mġiegħla jirriżenjaw fuq suspetti ta’ kompliċità fl-attentat ta’ kolp ta’ stat.
Wara t-tħabbir ta’ dan l-istat ta’ emerġenza ta’ tlett xhur, Erdogan saħaq li “din il-miżura ma tmur b’ebda mod kontra d-demokrazija, il-liġi u l-libertà.”
Erdogna fakkar u faħħar lil 246 persuna li mietu jiġġieldu kontra l-kolp, u ddeskrivihom bħala “martri”
Il-Ministru tal-affarijiet barranin Ġermaniż, Frank-Walter Steinmeier, irrisponda għad-dikjarazzjoni ta’ Erdogan billi ħeġġeġ lil-gvern Tork biex iżomm mal-liġi, kif ukoll biex ikollu sens ta’ proporzjoni aħjar fir-rispons li qiegħed jittieħed dwar l-attentat kolp ta’ stat.
“Involviment f’attivitajiet illegali bi provi ċari biss, mhux suspetti dwar opinjinijiet politiċi, għandhom jieħdu azzjonijiet mill-gvern,” qal Steinmeier.
“Huwa wkoll importanti ħafna li d-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza u t-tul tiegħu, ikunu verament neċessarji u jsir minn kollox biex dan idum mill-inqas possibli.” Temm jgħid Steinmeier
Erdogan qiegħed jagħti l-ħtija tal-kolp ta' stat lill-kleriku Fethullah Gulen, li jgħix fl-Istati Uniti, u qiegħed jitlob l-estradizzjoni tiegħu lejn it-Turkija. Is-Segretarju tal-Istat, John Kerry, iżda, qiegħed jisħaq li qabel jiġu miġjuba provi konkreti kontra Gulen, dan mhu se jkun hemm ebda estradizzjoni.