Beda l-proċess għal Kap Eżekuttiv ġdid għall-Korp tal-Pulizija

L-introduzzjoni ta’ din il-pożizzjoni maniġerjali ġdida se tkun qed tgħin fl-immodernizzar tal-istruttura tal-Korp

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali nieda l-proċess ta’ ħatra ta’ Kap Eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija. Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-introduzzjoni ta’ din il-pożizzjoni maniġerjali ġdida se tkun qed tgħin fl-immodernizzar tal-istruttura tal-Korp.    

Il-Kap Eżekuttiv se jkun meħtieġ li jaħdem flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija biex jimplimentaw il-viżjoni tal-Korp. Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija se jkun jista’ jiddedika aktar il-ħin tiegħu lejn l-investigazzjonijiet, il-Kap Eżekuttiv se jiffoka fuq il-prijoritajiet amministrattivi u prattiċi effettivi fl-immaniġjar tar-riżorsa umana.

“Korp tal-Pulizija modern mhux biss jara investiment kontinwu fl-assi tiegħu, iżda wkoll ikun kapaċi jamministra t-talenti tar-riżorsi umani fi ħdanu bl-aħjar mod”, qal il-Ministru Abela.

Il-Kap Eżekuttiv se jkun mistenni li jimplimenta  proċeduri operattivi b’indikaturi dipartimentali. Barra minn hekk, dan ir-rwol il-ġdid se jkun qed jaġixxi bħala sors ta’ kompetenza biex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess tal-Finanzi u Amministrazzjoni, Corporate Branding, l-ICT u l-proġetti waqt li jwettaq attivitajiet ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva.  

Din l-aħbar tiġi wkoll fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni dwar il-Kummissarju il-ġdid tal-Pulizija għadha nieqsa hekk kif irraporta dan is-sit ilbieraħ. 

More in Politika