In-negozjant u kandidat prospettiv għall-Presidenza Amerikana Donald Trump saħaq li d-deċiżjoni li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, hija deċiżjoni "tajba ħafna" u "fantastika."
Waqt li jinsab fi żjara fl-Iskozja, Trump qal li b'hekk, ir-Renju Unit, "reġa' ħa lura pajjiżu" billi vvota sabiex ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea.
Trump kien għadu kemm wasal f'Turnberry fl-Iskozja sabiex jiftaħ korsa tal-golf li kien sarilha ristrutturar, li kien xtara parzjalment lura fl-2014.
Il-wasla tiegħu fl-Iskozja qajmet diversi kummenti negattivi u xi protesti, bil-kap ta' Scottish National Party, Nicola Sturgeon tirrifjuta milli tiltaqa' miegħu għal laqgħat.