Il-proġett ta' Corporate Village sewa' b'kollox €425,000 anke jekk fil-verita' qatt ma sar. Dawn il-flus intefqu f'konsulenzi u attivitajiet promozzjonali. Fil-fatt €84,000 kienu minfuqin fuq kampanja promozzjonali estensiva f'Milan u Londra fost l-oħrajn. Il-bqija marru għall-konsulenzi u pjanijiet ta' żvilupp mħejjijin mill-kumpanija Deloitte u Architectural Projects Limited.
Fl-2008, beda xogħol preparatorju, mqabbad mill-Malta Industrial Parks, biex jitħejju pjanijiet ta' żvilupp għal Corporate Village.Il-pass sussegwenti sar fl-2010, meta ġiet ippublikata 'expression of interest' għall-iżvilupp li applikaw disa' kumpaniji. Sabiex il-kumpaniji ntbagħatilhom ir-'request for proposal' (RFP), għaddew sentejn.
Għalkemm din l-RFP damet madwar tlett xhur miftuħa, kien hemm biss sottomisjoni waħda, li eventwalment ma ġietx ikkunsidrata għax ma laħqitx ċerti kriterji neċessarji.
Minħabba n-nuqqas ta' interess li ntwera għal dan il-Corporate Village, waqaf kull xogħol fuq dan il-proġett. Il-problema iżda hija li qabel ma ġie mwaqqaf kull progress fuq dan il-Corporate Village, kienu laħqu nteffqu madwar €500,000 f'konsulenzi varji u kampanja promozzjonali estensiva, li rat saħħansitra website dedikata u attivitajiet promozzjonali barra minn Malta.
Għalkemm intefqu dawn il-flus kollha fuq pjanijiet u promozzjoni, l-għan ma ntlaħaqx, għax ebda investitur ma ġie attirat jinvesti fil-proġett.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Chris Cardona għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.