'Il-miri Ewropej dwar il-faqar għall-2020 mhux se jintlaħqu'

L-MEP Alfred Sant jgħid li l-Ewropa m'għandhiex taċċetta l-faqar bħala stat ta' fatt

Il-miri Ewropej dwar il-faqar għas-sena 2020 mhux se jintlaħqu. It-traġedja hija li l-Kummissjoni Ewropea qed taċċetta li s-sitwazzjoni f’dan il-qasam se tkun agħar minn meta beda l-programm 2020. Dan qalu Alfred Sant fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew fejn insista li l-Ewropa m’għandhiex taċċetta l-faqar bħala stat ta’ fatt. Il-ġlieda kontra l-faqar għandha tingħata prijorita` assoluta fil-ħolqien tar-rakkomandazzjonijiet.

Sant, rapporteur fir-rapport dwar il-prijoritajiet tal-politika ekonomika għal 2016, qal li fil-qasam soċjali, huwa ċar li l-impjiegi u aspetti soċjali oħra għandhom rwol importanti fl-istrateġija Ewropea 2020. L-oqsma l-aktar imsemmija fir-rakkomandazzjonijiet tal-KE huma l-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Ewroparlamentari qal li l-miżuri biex jintlaħqu dawn l-għanijiet titħalla f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

Sant qal li fl-aħħar snin naqset l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-istati membri. “Jien naħseb li parti mill-problema hija li l-Parlamenti Nazzjonali mhux qed ikunu involuti fil-proċess, għalkemm saru xi attentati biex l-affarijiet jitranġaw.” Sant staqsa fil-futur hemmx ħjiel biex ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż jitfasslu waqt proċess li jinkludi sew lill-Parlamenti Nazzjonali.

Dwar l-investiment, Sant qal li raġunijiet ekonomiċi ‘macro’ naqqsu kemm l-investiment privat kif ukoll dak pubbliku. “Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-ostakli ekonomiċi ‘micro’ għall-investiment. Imma niddubita dan kollu jkunx biżżejjed”. Minkejja l-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku u minkejja il-fondi strutturali, hemm differenza kbira fil-livell ta’ investiment pubbliku u privat fis-suq intern. Dr Sant qal li hemm qbil bejn il-gruppi politiċi Ewropej dwar il-ħtieġa li jiżdied l-investiment. “Taqblu li neħtieġu proposti politiċi ġodda li veru jgħinu biex jiżdied l-investiment pubbliku u privat madwar l-Ewropa?” staqsa Sant.

Il-Kummissarju Valdis Dombrovskis, Viċi-President għal Ewro u d-Djalogu Soċjali u Marianne Thyssen, Kummissarju għax-Xogħol, Mobilità tal-ħaddiema u Oqsma soċjali kienu preżenti għal-laqgħa u ħadu sehem fid-dibattitu.

More in Politika