Il-Partit Oranġjo se jopera mill-qalba tal-Qrendi
Minn għada l-Parlament ikollu t-tielet partit wara 27 sena

Marco Cremona: Is-segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku
More in Politika
Minn għada l-Parlament ikollu t-tielet partit wara 27 sena
Il-Partit Demokratiku (PD) li se tkun qed tmexxi d-Deputata Marlene Farrugia se jkollu bħala kwatieri tiegħu dar fil-Qrendi. L-għażla ta’ dan ir-raħal hija sinifikattiva minħabba li l-Qrendi jifforma parti mill-ħames distrett, fejn l-istess Farrugia kienet kandidata f’isem il-Partit Laburista fl-2008 u fl-2013 u f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-1998.
Intant it-tnedija tal-Partit Demokratiku se jfisser illi fil-Parlament, minn għada stess, se jkun hemm tliet partiti, xi ħaġa li ilha ma tiġri mill-1989. Fil-fatt, l-aħħar darba li l-Parlament Malti kellu membru tat-tielet partit kien 27 sena ilu meta Wenzu Mintoff kien imkeċċi mill-Partit Laburista u baqa’ fil-Parlament bħala rappreżentant kif ukoll Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika.
Il-Partit se jkun varat fl-Università tal-Birgu, fil-Collachio
Intant l-ILLUM hija infurmata illi l-Partit Demokratiku se jkun varat b’mod uffiċjali f’dik li kienet l-Università fil-Birgu. Fl-ewwel stqarrija tal-PD ingħad kif fi ftit jiem oħra dan il-partit se jkun reġistrat uffiċjalment biex imbagħad tissejjaħ laqgħa ġenerali li fiha jiġi varat l-istatut, u li twassal biex il-grupp temporanju li jkun wassal l-inizjattiva sa dan il-punt jirreżenja. L-istqarrija tgħid li se jkunu l-membri illi jinnominaw u jikkontestaw il-karigi uffiċjali fi ħdan il-Partit.
Kuntrarjament għal dak li jiġri s’issa fiż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna l-membri kollha tal-PD se jivvutaw biex jagħżlu l-mexxejja tagħhom.
“Kif jinħatru l-uffiċjali tal-Partit u jsiru magħrufa l-istess strutturi tal-Partit, tingħata d-data ta' meta l-Partit Demokratiku, bil-kulur uffiċjali oranġjo, jiġi varat,” temmet tgħid l-istqarrija.
Intant l-istqarrija kienet tinkludi wkoll it-tmexxija, hekk imsejħa temporanja, tal-PD b’Marlene Farrugia bħala Mexxej. Anthony Buttigieg kien maħtur Deputat Mexxej, Marco Cremona kien maħtur segretarju ġenerali, Duncan Bonnici teżorier u Monique Agius il-persuna li tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi.
Intant il-Partit Demokratiku qed iwiegħed li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiltaqa’ mal-pubbliku u jistiednu biex iwieġeb “għas-sejħa ta' tiġdid li qed jagħmlilna pajjiżna f' dan il-mument ewlieni.”
“Inbitna minn fostkom għalikom għax bħalkom fhimna li biex il-pajjiż jeħles minn prattiċi ħżiena li tefgħu l-għeruq fil-politka f'pajjiżna hemm il-bżonn li tinħoloq forza politka differenti mibnija minn nies li s-suċċess f'ħajjithom għamluh bix-xogħol u s-sagrifiċċju u mhux billi rikbu fuq karru politku li ggaranthielhom vantaġġi fil-ħajja li l-maġġoranza tan-nies jistgħu jilħquhom biss b'xogħol iebes u dixxiplina assoluta fuqhom infushom,” sostna l-PD fl-ewwel stqarrija tiegħu.