L-2016 tidher li se tkun tajba għall-cruiseliners f'Għawdex

Jidher li l-2016 se terġa tkun sena tajba għall-cruises f'Għawdex
More in Politika
Waqt żjara fil-port tal-Imġarr il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, iddeskriva s-sena 2016 bħala waħda li tidher tajba ħafna għall-industrija tal-cruiseliners f’Għawdex.
Huwa tenna li dawn il-wasliet tal-cruiseliners f’Għawdex ifissru aktar xogħol għan-negozji Għawdxin kif diġà tixhed iż-żieda fl-impjiegi f’diversi setturi tal-gżira Għawdxija fosthom il-lukandi u r-ristoranti. Minn din l-ispinta ekonomika se jkun qiegħed jibbenefika kulħadd.
Il-Ministru tenna li s-sena 2015 kienet sena tajba ferm. Fl-2015 daħlu f’Għawdex mhux inqas minn 18-il cruise liner u waslu aktar minn 9,800 passiġġier. Passiġġieri li ħafna minnhom jistgħu jirritornaw għal btala f’Għawdex wara li jkunu raw x’toffri l-gżira. Huwa rrimarka kif f’dan tmiem il-ġimgħa f’Għawdex se jaslu tlett cruiseliners, wieħed is-Sibt, Seabourn Sojourn u tnejn il-Ħadd; Silver Spirit u Wind Surf. Huwa stqarr li l-industrija tal- cruiseliners tagħmel parti importanti ferm fl-istrateġija tat-turiżmu ta’ pajjiżna.
Il-Ministru qal li l-gżejjer tagħna għandhom l-vantaġġ li jinsabu f’pożizzjoni strateġika f’nofs il-Mediterran, għaldaqstant dan jippermetti diversi għażliet ta’ itenerarji kemm min-naħa ta’ Lvant kif ukoll mill-Punent tal-Baħar Mediterran. Il-Ministru Refalo jemmen li l-industrija tal-cruiseliners fil-Gżejjer Maltin tista’ tkompli tikber biss jekk il-Gvern ikompli jipprovdi livell ta’ servizz superjuri u joħloq valur miżjud minn kollaborazzjoni mal-imsieħba lokali kollha. “L-inizjattivi u x-xogħol huma għaddejjin kontinwament sabiex naraw kif nistgħu ntejbu aktar is-servizz u l-prodott u saħansitra naqbżu l-aspettattivi. Flimkien mal-imsieħba kollha fl-industrija tal-cruiseliners nimmiraw li nżidu l-isforzi u l-investiment tagħna sabiex nilħqu l-miri tagħna biex aktar cruiseliners iżuru lil Għawdex”, qal il-Ministru Refalo.
Huwa rringrazzja lil kull min hu involut f’dan is-settur fosthom Mifsud Brothers Limited li mis-sena 2006 diġà attiraw lejn Għawdex 52 vapur. Il-Ministeru għal Għawdex jibqa’ impenjat biex itejjeb l-aċċessibbiltà u jsaħħaħ il-prodott turistiku biex aktar persuni jagħżlu lil Għawdex bħala destinazzjoni attraenti, anke fix-xhur tipikament kwieti ta’ bejn Novembru u April.