Fi stqarrija l-Alleanza Kontra l-Faqar spjegat kif tħoss li l-akkomodazzjoni soċjali tal-istat mhix biżżejjed u “l-prezz għoli tas-suq tal-kiri qed jitfa’ lil ħafna familji fil-faqar, jekk mhux fil-miżerja”. Għalhekk l-Alleanza spjegat kif hija taqbel mal-Forum Komunità Bormliża li għandu jkun hemm xi forma ta’ mekkaniżmu li jikkontrolla l-kirjiet privati.
L-Alleanza qalet dan b’reazzjoni għall-istorja li dehret il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM u li fiha kien irraportat kif Yana Mintoff Bland, li tmexxi l-istess Forum Komunita’ Bormliża qed tipproponi sistema simili għal dik fi bliet Ewropej bħal Pariġi u Berlin. Mintoff qed tipproponi li l-prezz tal-kirja ma jkunx jista jiżdied b’aktar minn 5% tal-medja fiż-żona jew lokalita’ għat-tliet snin li ġejjin.
L-Alleanza Kontra l-Faqar, imnebbħa u motivata mill-ideal tagħha favur it- taqbida ghall-ġustizzja soċjali, partikolarment it-tqassim ġust tal-ġid fl-istqarrija ħeġġet biex id-diskussjoni dwar il-paga minima titwessa’ ħalli tinkludi wkoll dħul minimu garantit li jassigura ħajja diċenti lil kulħadd.
Filwaqt li l-Alleanza tinnota bi pjaċir li l-faqar reġa’ tpoġġa fuq l-aġenda politika, grazzi l-aktar għax-xogħol tal-Caritas, tħoss li mhux sewwa li filwaqt li l-ekonomija sejra tajjeb ikun hemm eluf li jibqgħu lura u ma jgawdu xejn mill-ġid li jinħoloq.
Tinnota wkoll li dan l-aħħar il-gvern ikkommetta ruħu li l-benefiċċji għal dawk li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba xi diżabilita’ se jiżdiedu sa paga minima. Madankollu tfakkar li hemm nies oħrajn, bħal ċerti pensjonanti u oħrajn, li d-dħul tagħhom mhux biżżejjed biex jiggarantixxi ħajja diċenti.
Barra minn hekk l-Alleanza appellat biex il-faqar ma jibqax jiġi użat bħala ballun politiku u l-motivazzjoni ta’ kulħadd għandha tkun li ħadd ma jaqa’ lura mhux li niskurjaw xi gowl politiku.