'Il-partiti kollha għandhom jappoġġjaw il-proposti ta' Evarist Bartolo'

Is-soċjetà ċivili tappella biex il-proposti ta' Bartolo dwar it-tax havens jiġu implimentati

Is-Civil Society Network qalet li l-partiti politiċi kollha li jemmnu fit-trasparenza u l-ġustizzja soċjali għandhom jattwaw dak li jgħidu u jappoġġjaw il-proposti tal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo dwar it-tax havens.

 "Fis-seduta parlamentari tat-12 ta' April, Bartolo kien qal li għandha ssir illegali li persuni Maltin jiftħu kontijiet f'pajjiżi fejn l-informazzjoni dwar it-taxxa, mhix disponibbli awtomatikament. Diġà għadda iktar minn xahar minn din il-proposta, u sal-lum, kien hawn nuqqas ta' min ikkommetta politikament li jagħmel dan," kompliet tgħid is-Civil Society Network fi stqarrija.

L-għaqda appellat ukoll sabiex il-partiti politiċi kollha jitkellmu dwar dan u jiddikjaraw jekk humiex jikkunsidraw proposta ħal din b'mod serju, sabiex idaħħluha fil-manifesti elettorali tagħhom."

"Bl-istess mod," tkompli tgħid l-għaqda, "il-partiti jridu jgħidu jekk jaqblux mal-proposta ta' Bartolo li jkun hemm qbil iffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi involuti dabiex l-informazzjoni relatata mal-investituri tkun pubblikament disponibbli."

L-għaqda reġgħet appellat lil Keith Schembri u konrad Mizzi sabiex jirriżenjaw mill-karigi tagħhom immedjatament minħabba l-involviment tagħhom fil-Panama Papers, u qalet li dawn ir-riżenji jkunu ta' benefiċċju kemm għall-Gvern, kif ukoll għall-Partit Laburista, minħabba "s-sitwazzjoni imbarazzanti," li jinsabu fiha.

Civil Society Network temmet tgħid li se tkun qed tikkampanja favur il-propost Ewropej kontra l-evażjoni tat-taxxa.

More in Politika