Ix-xufier ta' Busuttil meħlus minn kull akkuża

Busuttil jgħid li Muscat ħammeġ il-politika Maltija 

Il-konklużjoni tal-inkjesta fuq ix-xufier tal-Kap tal-Oppożizzjoni Toni Tabone "ma sabet assolutament l-ebda każ fil-konfront tax-xufier tiegħi. B’hekk il-każ ġie definittivament magħluq u llum, b’effett immedjat, neħħejt is-sospensjoni tax-xufier tiegħi" Hekk sostna Busuttil f'konferenza tal-aħbarijiet illi fiha fakkar kif il-Partit Laburista, biex jattakka lilu spiċċa attakka lix-xufier tiegħu li għadda minn żmien diffiċli. 

Busuttil talab lill I-ispeaker tal-Kamra biex "jara li min kien wara dan ir-rapport bla bażi u jara li dan jerfa’ r-responsabbilità. Bħala minimu nistenna li tintalab skuża lil Toni Tabone talli ġie mgħoddi minn din il-kruċjata għal xejn b’xejn." Il-Kap tal-Pn sostna wkoll illi dan il-lkaż juri d-differenza bejn iż-żewġ partiti. "Filwaqt li jiena kont ħadt azzjoni mill-ewwel u ssospendejt lix-xufier tiegħi, anki fuq kwistjoni żgħira bħal din, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu lanqas biss issospenda lil Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq materja ferm u ferm aktar gravi, aħseb u ara kemm keċċihom." 

Busuttil akkuża lil Muscat li ħammeġ il-politika u li "waqqagħha fl-aktar livelli baxxi li qatt ma rajna. Hawn kellna sitwazzjoni fejn, biex issir ħsara politika lili, ġie użat u attakkat u saret kruċjata kontra sempliċi ħaddiem, xufier, li ma kienx jixraqlu li jiġi trattat b’dan il-mod."

More in Politika