'Ir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE huma vvalenati min-nuqqas ta' rieda tajba'

Hemm nuqqas ta’ ċarezza u onestà rigward il-futur tat-Turkija bħala membru jew le tal-UE

L-ingranaġġ diplomatiku bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija huwa ristrett u ż-żewġ naħat qed iħarsu lejn xulxin b’suspett. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew meta kienu diskussi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Marzu fis-summit bejn l-UE u t-Turkija. Sant qal li ftehim fuq l-influss tal-immigrazzjoni kien meħtieġ malajr kemm jista’ jkun. Taħt iċ-ċirkustanzi, ma setax jintlaħaq ftehim aħjar. Madanakollu, qal Sant, irridu nirrikonoxxu n-nuqqasijiet strateġiċi li dan għandu. 

“L-ikbar problema hija li r-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE huma vvelenati min-nuqqas ta’ rieda tajba miż-żewġ naħat. Dan il-velenu ilu hemm u jmur lil hinn mid-differenzi li l-Ewropa tikkritika dwar it-tmexxija awtoritarja u l-kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; il-kwistjoni tal-Kurdi; u l-problema tal-firda li teżisti f’Ċipru. Anki jekk jissolvew dawn il-kwistjonijiet kollha, in-nuqqas ta’ rieda tajba xorta tibqa’ tippersisti.”

Alfred Sant qal li għad hemm nuqqas ta’ ċarezza u onestà rigward il-futur tat-Turkija bħala membru jew le tal-Unjoni Ewropea. “L-Unjoni Ewropea tista’, b’vuċi waħda, tiddikjara li jekk it-Turkija tissodisfa r-rekwiżiti kollha li teħtieġ biex tissieħeb fl-UE, din is-sħubija isseħħ? It-tweġiba hija le. 

Dan il-fatt qed ikun injorat. Allura għad ma hemmx bażi soda, li b’mod jew ieħor tiddefinixxi r-relazzjonijiet fit-tul bejn l-UE u t-Turkija. Din hija raġuni oħra għaliex l-influwenza diplomatika tal-UE mat-Turkija hija tant ristretta u għaliex iż-żewġ naħat iħarsu lejn xulxin b’suspett.” temm jgħid l-Ewroparlamentari Malti.

More in Politika