'Ir-rapporti tal-lum huma foloz u jiżgwidaw'

'Dejjem kont konsistenti u ngħid il-verità f'dak li għidt dwar it-trust u l-kumpanija relatata'

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi qal li r-rapporti li ħarġu dalgħodu fil-gazzetta Awstraljana, 'Australian Financial Review' huma foloz u jiżgwidaw. Ir-rapporti żvelaw partijiet ta' korrispondenza minn awdituri ta' Nexia BT f'Malta lil Mossack Fonseca, li kienu jgħidu li l-awdituri ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi fittxew biex jiftħu kontijiet bankarji għall-kumpaniji tagħhom fil-Panama, u dan sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-profitti tagħhom fit-trusts ta' New Zealand.

Dwar dan, Mizzi qal li t-trust tiegħu dejjem kien intenzjonat bħala trust tal-familja għall-assi u l-investiment, bil-benefiċjarji jkunu martu u uliedu li jgħixu ċ-Ċina.

Mizzi, filwaqt li qal li l-ftuħ ta' kontijiet bankarji kien servizz offrut lilu mill-kumpanija, hu qatt ma fetaħ dan il-kont, "u bħalma diġà sostnejt, dan jikkonferma li m'hemm l-ebda fondi u kontijiet bankarji miżmuma fit-trust u l-kumpanija relatata." Il-Ministru żied jgħid li hu ma ffirma l-ebda formoli biex jinfetaħ xi kont bankarju.

Għaldaqstant, hu sostna li "l-istejjer tal-lum jiċħdu kull allegazzjoni falza li kien hemm xi flus li joriġinaw mill-Ażerbajġan u spekulazzjonijiet redikoli oħra minn Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista."

L-istqarrija ttemm tgħid li xorta waħda l-Ministru se jibqa' għaddej bl-awditjar indipendenti u tax audit, "sabiex tipprova dak li kont ilni ngħid b'mod konsistenti sa mill-bidu," u li l-kumpanija fil-Panama se tingħalaq ġaladarba jintemm dan l-awditjar.

More in Politika