Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal meta tqis li Malta u l-Libanu huma żewġ pajjiżi jmissu mal-istess baħar b’kultura simili u bl-istess aspirazzjonijiet għall-futur, il-livell ta’ negozju bejn iż-żewġ pajjiżi huwa diżappuntanti u din hija xi ħaġa li rridu nbiddlu. Irridu li l-Libanu jkun sieħeb importanti ta’ Malta.
Il-Prim Ministru qal dan meta kien qed jindirizza Forum tal-Business bejn il-Kamra tal-Kummerċ tal-Lebanon u l-Kamra tal-Kummerċ Maltija, b’kollaborazzjoni ma’ Malta Enterprise u Trade Malta.
“Jeżistu possibbilitajiet ta’ sinerġiji bejn Malta u l-Libanu. Ngħixu f’baħar fejn jeżistu problemi kbar u huwa biss permezz tal-paċi fir-reġjun li nistgħu nsolvu dawn il-problemi u nattiraw iktar ġid lejn pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.
Huwa qal li Malta hija ġurisdizzjoni sigura u stabbli li toffri mhux biss bieb għas-Suq Ewropew, iżda wkoll bieb għall-kontinent Afrikan, b’mod partikolari l-Afrika ta’ Fuq.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta Anton Borg qal li pajjiżna qed jikber b’rata qawwija u hemm potenzjal kbir ta’ tkabbir f’diversi oqsma ta’ kummerċ. Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Libanu qal li l-Libanu hija miftuħa għall-investiment Malti f’diversi oqsma.
Għall-Forum attendew diversi negozjanti mil-Libanu, flimkien mad-delegazzjoni ta’ kummerċ ta’ Malta li jinkludu entatijiet bħall-Kamra tal-Kummerċ, il-Malta Developers Association u negozjanti oħra Maltin flimkien ma’ entitajiet bħall-Awtorità tat-Turiżmu u Trade Malta.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr George Vella, il-Ministru tal-Ekonomija u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona u l-Ministru tat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis kellhom laqgħat mal-Ministri rispettivi tal-Libanu.