Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qablu flimkien fuq il-ħolqien tat-tielet partit f'pajjiżna. Il-gazetta Times of Malta rrapurtat kif bil-ħolqien tat-tielet partit, il-PN u l-PL jemmnu li se jkun hemm theddida fuq l-istabbiltà politika u ekonomika tal-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista, fit-tweġiba tagħhom lill-istess gazzetta qalu li l-politikanti ġenwini li qed jaraw il-problemi fil-partiti politiċi preżenti, jagħmlu iktar ġid jekk jaħdmu fi ħdan partit eżistenti milli jekk jaħdmu għal rashom u joħolqu partit ġdid. Dan jidher bħal donnu appell għad-deputata indipendenti Marlene Farrugia. Il-PN kompla jgħid li Farrugia messha tingħaqad magħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, waqt li żiedu jgħidu li dan il-partit l-iktar li jimpatta huwa lill-Alternattiva Demokratika, iktar milli lill-PL jew PN.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ma semmiex lil Marlene Farrugia u qal li irrispettivament mis-sistema elettorali preżenti hemm bżonn li jkun hemm stabbiltà fil-pajjiża biex ma jirriskjax investiment għall-Malta.
Dan kollu jiġi fid-dawl ta' rapporti u intervisti mill-gazzetta ILLUM mal-protagonisti ta' dan it-tielet partit fosthom Marlene Farrugia u Salvu Mallia, li ħabbar li kien se jikkontesta l-elezzjoni ġeneral f'intervista mal-ILLUM.