Waħda mill-ikbar kritika u lmenti li qed jaqla’ l-Partit Laburista f’dawn is-snin ta’ tmexxija, l-aktar mil-Laburisti stess hi li saret xi inġustizzja magħhom, u għalhekk, dawn għadhom jistennew u jittamaw li dan il-Gvern mhux biss jagħtihom ir-raġun, imma li s-sitwazzjoni tagħhom tiġi mtejba. Dan anke fid-dawl ta’ diversi stejjer ippubblikati mill-gazzetta ILLUM ta’ diversi persuni, li minkejja li ngħataw raġun li saret xi tip ta’ inġustizzja magħhom, ma ttieħdux il-passi rigward is-sitwazzjoni. Hawnhekk, il-President antiċipani fuq is-suġġett malli semmejtlu l-kritika prinċipali tal-Laburisti, u aċċerta li jaf b’dan. “In-nies kienu ilhom jiġu għandna għal numru ta’ snin iressqu l-każijiet li għaddejjin minnhom, u l-wegħda tagħna hi li min sofra inġustizzja, irid jieħu rimedju, u min għandu raġun, bi dritt ħaqqu rimedju. Min m’għandux raġun, imbagħad hija storja oħra.”
Ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn bniedem ikollu raġun u ma jingħatalux
Daniel Micallef kompla jgħid li twaqqfu dawn il-Greviances units fi ħdan il-Ministeri sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, “iżda jekk tistaqsi lili, naħseb li r-ritmu seta’ kien iktar mgħaġġel.” Saħaq ukoll li hija, “prijorità assoluta li min sofra inġustizzja, irid jingħata r-rimedju għaliex din kienet xi ħaġa li ġiet imwiegħda, u trid issir, però nifhem ukoll li trid ċertu żmien għaliex trid tara l-każijiet b’mod ugwali u b’mod ġust.” Minbarra dan, Micallef jitkellem fuq is-sezzjoni tal-‘Laburisti ġenwini’, li jgħid kif saret moda li jiġu indirizzati mill-PN. “Din hi l-istess sezzjoni li sofriet dawn l-inġustizzji, ingħatat transfers vendikattivi, inqabżu fil-promotions għal darba, tnejn, tlieta, li jagħmlu xogħol mod u jitħallsu ta’ grad inqas, u hawn minn dawn in-nies li għadha ma saritx ġustizzja magħhom. Jiena persważ,” ikompli jgħid il-President tal-PL, “li jekk Simon Busuttil jingħata l-fiduċja, bħalma kien parti mill-Gvern li wettaq dawn l-inġustizzji, jerġa’ jinsa lil dawn in-nies mill-għada, u jerġgħu jgħaddu mill-istess ħaġa.”
Daniel Micallef jistqarr li jifhem dawn l-inġustizzji, “għaliex bniedem jibqa’ jħossha għaliex inġustizzja taffewalu d-dinjità tiegħu, u minbarra dan taffetwak finanzjarjament, għaliex jekk illum tkun irtirat, din teffetwa l-pensjoni li tieħu,” u għalhekk jerġa jsostni li, “ ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn bniedem ikollu raġun u ma jingħatalux.”