L-edituri ta’ The Times of Malta, The Sunday Times u timesofmalta.com ċaħdu kategorikament li qatt kien hemm xi interferenza editorjali min-naħa kummerċjali tal-Allied Group fit-tmexxija ta’ kuljum tal-istess gazzetta.
L-edituri Steve Mallia, Ray Bugeja u Herman Grech, saħqu li, “L-edituri għandhom indipendenza totali fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ kuljum f’dak li għandu x’jaqsam mal-gazzetta. Qatt ma kien hemm xi deċiżjoni kummerċjali li affetwat deċiżjoni editorjali, aħseb u ara waħda politika.”
Il-grupp, Allied Newspapers Ltd. li huma l-pubblikaturi tal-gazzetti The Times fetħu inkjesta indipendenti wara li l-blogger Daphne Caruana galizia għamlet numru ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tal-istess gazzetta. Sakemm din l-inkejsta tintemm, id-direttur maniġerjali tal-grupp, Adrian Hillman se jkun qed jieħu l-leave u minfloku nħatar temporanjament Michael Rizzo.
Caruana Galizia, fil-blogg tagħha tal-Ġimgħa irreferiet għaċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-assi li għandu fil-British Virgin Islands u żiedet tgħid li, “Hemm ħafna iktar involut f’din l-istorja u tinvolvi lill-Allied Newspapers Ltd., pubblikaturi tat-Times of Malta u The Sunday Times of Malta, li direttament tħalli impatt fuq il-kredibbiltà ta’ dawn iż-żewġ gazzetti fiż-żmien ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, b’tixħim f’postijiet għolja.”
Il-kumpanija sejħet għal din l-inkjesta indipendenti, iżda żiedet tgħid li dan ma jfissirx li l-kumpanija qed taċċetta li dawn l-allegazzjonijiet huma veritiera imma bħala miżura ta’ ‘good governance’.
L-edituri komplew isostnu li bħal kull kumpanija, l-edituri jiddiskutu mal-management tal-kumpanija, inkluż mad-direttur maniġerjali. Madanakollu, il-management qatt ma impona deċiżjonijiet editorjali.