Muscat jibqa' jappoġġja lil Mizzi u Schembri

L-Oppożizzjoni tgħid li għandha tintrefa' r-responsabbiltá 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu jappoġġja sew liż-żewġ persuni l-aktar qrib tiegħu, id-deputat mexxej u ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, u ċ-chief of staff Keith Schembri. Dan wara li dawn it-tnejn jinsabu fin-nofs tal-kontroversja minħabba t-trusts u kumpaniji li dawn għandhom barra mill-pajjiż, u li għalihom, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li għandha tintrefa' r-responsabbiltá, u dawn it-tnejn jirreżenjaw.

Meta l-Prim Ministru ġie mistoqsi mill-gazzetta MaltaToday wara l-Parlament, huwa wieġeb li Simon Busuttil kien jaqbillu li joqgħod għassa ta' Ann Fenech.Dan minħabba li Fenech hija waħda mis-sidien tal-kumpanija legali Fenlex Corporate Services Ltd., liema kumpanija kienet offriet is-servizzi tagħha biex tinfetaħ kumpanija fil-Panama. Għal dan, Fenech qalet li Fenlex, m'għadhiex tirreġistra kumpaniji. Dwar dan, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni kien iddefendieha fejn qal li hi la hi xi ministru u lanqas għandha l-kumpaniji hi fil-Panama.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għandu jkun umli biżżejjed biex jifhem fejn seta' għamel l-affarijiet aħjar. "Irridu nkomplu nuru li aħna kapaċi nisimgħu, nifhmu u ninbidlu meta nkunu żbaljati," kompla jgħid Muscat. Hu żied jgħid li fil-ġranet li ġejjin kien se jkun qed jispjega aħjar ir-riżultati miksuba mill-Gven f'dawn l-aħħar 3 snin, l-aktar fejn għandha x'taqsam l-ekonomija.

More in Politika