Deputati Nazzjonalisti nkwetati li wara Konrad imiss lihom

Tliet Deputati Nazzjonalisti avviċinaw lil Konrad Mizzi u qalulu li b’dan l-attakk jibdew ikunu attakati l-interessi finanzjarji ta’ ħafna mid-deputati

L-ILLUM tista’ tiżvela kif tliet Deputati Nazzjonalisti din il-ġimgħa, avviċinaw lil Ministru Konrad Mizzi personalment u qalulu li ma jaqblux mal-attakki li qegħdin isirulu mill-Partit Nazzjonalista. Infurmawh ukoll li l-grupp Parlamentari Nazzjonalista mhux magħqud dwar l-attakki tal-PN fuq Mizzi, għax teżisti biża’ li b’dan l-attakk se tkun qed tinfetaħ il-possibilitá li jibdew ikunu attakati l-interessi finanzjarji ta’ ħafna mid-deputati Nazzjonalisti. Din il-gazzetta għandha l-ismijiet tat-tliet Deputati Parlamentari li esprimew din l-opinjoni ma’ Mizzi, minn wara dahar id-Deputati Nazzjonalisti l-oħrajn. Fost dawn, wieħed minnhom saħansitra kien jifforma parti mill-Kabinett Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.

Kien f’nofs il-ġimgħa li għaddiet li f’kumment mal-MaltaToday, il-Ministru Konrad Mizzi żvela li huwa kien fetaħ trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama. Dan, stqarr Mizzi, kien ġie ikkreat biex l-assi u l-flus tal-familja Mizzi jiġu ġesiti bl-iktar mod għaqli.

Minkejja li Mizzi qal li iddikjara dan biex ikun “miftuħ u trasparenti,” il-każ tefgħu taħt skrutinju intens mill-midja lokali u attakki mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-kritika l-aktar li qed tkun ibbażata fuq il-fatt li mhux ċar minn fejn kienu ġejjin il-flus, anke jekk Mizzi qed jargumenta li kollox se jkun trasparenti u se jitpoġġa għall-iskrutinju fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Punt qawwi ta’ kritika kien il-fatt li l-Panama, fejn hemm il-kumpanija li fiha rreġistrat it-trust ta’ Mizzi, huwa pajjiż assoċjat mal-ħasil ta’ flus kif ukoll mal-evazjoni tat-taxxa. Dan apparti li huwa pajjiż blacklisted mill-Unjoni Ewropea.

Il-fatti dwar dan il-każ ġew żvelati lejliet l-elezzjoni tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fejn Mizzi kien l-uniku kandidat, u kellu l-appoġġ ta’ Joseph Muscat.

Matul il-ġimgħa, Mizzi ħabbar ukoll li l-kuntratt lil Sai Mizzi bħala mibgħuta speċjali tal-Gvern ta’ Malta f’Shanghai ma kienx se jiġi estiż. Hu qal li l-affarijiet kienu nbidlu wara li hu kien sar deputat mexxej.

 

More in Politika