'Akkomodazzjoni raġonevoli mhux bilfors twassal għal integrazzjoni' - Comodini Cachia

"Għad hemm triq twila x'nimxu sabiex is-soċjetà tneħħi l-ostakli imponuti fuq persuni b'diżabilità. Anki aħna bħala politiċi, xi drabi nużaw lingwaġ li jiffoka fuq il-vulnerabbiltà tan-nies aktar milli l-potenzjal tagħhom. Għandna t-tendenza li nenfasizzaw l-iżvantaġġi li aħna nipperċepixxu li jkollhom in-nies aktar milli fuq dak li jistgħu iwettqu. Dan se jkompli jfixkel l-għoti ta' setgħa tant meħtieġa lejn għajxien indipendenti li jwassal għal interazzjoni soċjali."
L-MEP Therese Comodini Cachia għamlet dawn ir-rimarki waqt laqgħa ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-Parlament Ewropew fi Brussell bħala parti mir-rwol il-ġdid tagħha fil- Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) fejn hi ġiet maħtura mill-Grupp PPE rapporteur dell fuq l-"Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità b'attenzjoni speċjali għall-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità (CPRD)".

Comodini Cachia argumentat li filwaqt l-kunċett ta' edukazzjoni inklużiva kien ġie inkorporat f'diversi Stati Membri, hemm il-bżonn ta' reviżjoni sabiex wieħed jara jekk dan jirriflettix inklużjoni vera jew biss akkomodazzjoni raġonevoli. "Persuni b'diżabilità jagħtu kontribut importanti għas-soċjetà, u din il-kontribuzzjoni tista' tkun saħansitra akbar jekk l-inklużjoni tkun ġenwina u effettiva."

Fid-dawl ta' ċentru (hub) għall-persuni b'diżabilità li kien propost mill-Gvern Malti u li ġie kkritikat mis-soċjetà ċivili, Comodini Cachia enfasizzat li dan l-inċident jenfasizza b'mod ċar l-importanza li ssir distinzjoni bejn akkomodazzjoni raġonevoli u l-inklużjoni vera. "It-tħassib ewlieni tiegħi huwa li l-miżuri li l-UE qed tiffinanzja u miżuri li l-Istati Membri qed jimplimentaw huma miżuri li jkomplu jenfasizzaw l-iżvantaġġi aktar milli l-potenzjal tal-persuni b'diżabilità u b'hekk jitfixkel id-dritt tagħhom għal għajxien indipendenti u l-aċċess għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà."

Comodini Cachia li hija ambaxxatur tal-kampanja eSkills u li bħalissa qed taħdem dwar kif aspetti tar-robotika jistgħu iservu biex jindirizzaw sfidi fil-ħajja ta' kuljum qalet "Huwa possibilment il-ħin adegwat li wieħed jara kif it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali tista' ġġib aktar inklussività u aktar indipendenza".

 

More in Politika