Tingħata €7,000 għal karozza taħdem bl-elettriku jekk tiskrappja l-qadima

Tidħol fis-seħħ il-miżura tal-Baġit li tinċentiva xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku 

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi llum ħabbar li nfetħet għall-publiku l-miżura li tħabbret fil-Baġit 2016 li tinċentiva x-xiri ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u li permezz tagħha min jixtri karozza li taħdem bl-elettriku u jiskrappja vettura qadima, se jingħata 7,000 ewro mill-Gvern.

Il-Ministru Joe Mizzi qal dan waqt żjara li saret illum mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej Taljan, Sandro Gozi fil-bini ta’ Transport Malta biex jara l-flotta l-ġdida ta’ 13-il vettura li taħdem bl-elettriku u li se tibda tintuża minn Transport Malta, kif ukoll l-infrastruttura relatata bħala parti mill-proġett Port-PVEV, proġett iffinanzjat permezz tal-Operational Programme Italy-Malta 2007-2013.

Sandro Gozi kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Dr Ian Borg. Fl-intervent tiegħu, Dr Borg qal li dan kien proġett wieħed minn fost 90 proġett ieħor li bbenefikaw mill-programm territorjali maqbul bejn Malta u l-Italja. Il-valur totali ta’ dan il-proġett kien jaqbeż il-€1.5 miljun, li 85% minnhom kienu appuntu fondi Ewropej.  Dr Borg qal ukoll li proprju din il-ġimgħa għadu kif ġie mniedi l-programm l-ġdid ta’ kooperazzjoni territorjali bejn Malta u l-Italja għall-perjodu 2014-2020.

Sal-lum, in-numru totali ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku u karozzi tat-tip hybrid żdied għal 612 vettura, li minnhom 163 jaħdmu kollha bl-elettriku u, il-bqija, jiġifieri 449 huma hybrid.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-iskema, li se tkun miftuħa kemm għall-pubbliku inġenerali, għaqdiet mhux governattivi u anke kumpaniji privati, hija mmirata biex tnaqqas in-numru ta’ vetturi qodma mit-toroq, filwaqt li tippromwovi l-użu ta’ vetturi li huma nodfa u effiċjenti f’dak li huwa użu tal-enerġija, bħala mezz li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis ta’ tniġġis fl-arja kkawżat mit-traffiku u biex jitjiebu l-livelli tal-kwalità tal-arja.

Il-Gvern se joffri wkoll għotja ta’ 4,000 ewro għal min jirreġistra vettura tal-elettriku għall-ewwel darba f’Malta, li mhux bil-fors tkun ġdida, jew karozza tal-elettriku ġdida mingħajr ma tiġi skrappjata waħda antika.

Barra minn hekk, se tingħata wkoll għotja ta’ 2,000 ewro għal min jirreġistra electric quadricyle, u dan skont il-kundizzjonijiet tal-avviż legali.

Il-Ministru qal li din hija inizjattiva oħra tal-Ministeru u Transport Malta bħala parti mill-politika tal-Gvern biex jippromwovu l-użu ta’ enerġija nadifa u vetturi effiċjenti.

More in Politika