
L-Aġenzija Standard and Poor's b'ċertifikat pożittiv għal Malta
....Il-Gvern jgħid li ir-rapport jikkontradixxi dak li kien jgħid il-PN qabel l-aħħar elezzjoni

More in Politika
....Il-Gvern jgħid li ir-rapport jikkontradixxi dak li kien jgħid il-PN qabel l-aħħar elezzjoni
L-aġenzija internazzjonali Standard and Poor’s ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna, filwaqt li sostniet li l-prospetti jibqgħu pożittivi, tant li hemm ċans tajjeb li r-rating jiġi mtejjeb fix-xhur li ġejjin.Skont l-esperti ta’ din l-aġenzija, fis-snin li ġejjin, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jibqa’ jkun aqwa minn dawk ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro. Dan minħabba l-investiment qawwi fil-qasam tal-enerġija kif ukoll minħabba żieda fil-konsum privat dovut għal tkabbir fil-pagi. L-analisti ta’ Standard and Poor's faħħru l-fatt li pajjiżna kellu żieda ferm qawwija fir-rata ta’ impjiegi, speċjalment fost in-nisa.
Fir-rapport tagħhom, Standard and Poor’s ibassru li l-ġid nazzjonali se jiżdied bi 3.2% fl-2016, rata ogħla minn dik osservata taħt amministrazzjoni preċedenti. L-investiment mistenni jkun 20% tal-ġid nazzjonali, sostanzjalment ogħla mis-17.8% li kellna fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. L-esportazzjoni mistennija tiżdied bi 3.1% din is-sena, l-inflazzjoni se tibqa’ anqas minn nofs dik osservata taħt l-amministrazzjoni preċedenti filwaqt li r-rata tal-qgħad mistennija tkompli tonqos għal 5.5%.
Pajjiżna mistenni jżid il-bilanċ pożittiv fil-pagamenti internazzjonali, filwaqt li d-dejn nazzjonali mistenni jonqos għal 62% tal-ġid nazzjonali sa tmiem din il-leġiżlatura. Dan minħabba li pajjiżna mistenni jkompli jnaqqas id-defiċit fiskali, filwaqt li hemm ukoll impatt pożittiv ta’ tkabbir ekonomiku qawwi.
Fi stqarrija l-Gvern fakkar kif l-analiżi tal-esperti ta’ Standard and Poor’s tmur għalkollox kontra l-analiżi tal-Oppożizzjoni. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jbassar bailout finanzjarju għal pajjiżna, Standard and Poor’s qed ibassru l-anqas piż ta’ dejn pubbliku f’diversi snin. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tisħaq li hawn għafsa fil-pagi, Standard and Poor’s jgħidu li hawn żidiet li qed iwasslu għal tkabbir ekonomiku ogħla minn ta’ pajjiżi oħra. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li l-investiment fl-enerġija m’hawnx bżonnu, l-esperti internazzjonali jsostnu li “these investments will not only reduce Malta’s import bill, but will also improve the business environment in Malta”.
"Dan huwa ċertifikat pożittiv ieħor għal pajjiżna mill-esperti ta’ Standard and Poor’s. Huwa partikolarment inkoraġġanti li l-aġenzija internazzjonali għandha fiduċja li l-pjan tal-Gvern, li jnaqqas id-dejn nazzjonali permezz tat-tkabbir ekonomiku, se jirnexxi. Tant li f’anqas minn leġiżlatura sħiħa, il-Gvern se jkun naqqas lura ż-żieda kollha fil-piż tad-dejn nazzjonali li seħħet taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Huwa sforz ta’ dawn ir-riżultati li pajjiżna qed igawdi minn fiduċja kbira fil-kamp internazzjonali li qed issarraf f’aktar investiment u aktar titjib fid-dħul tal-familji tagħna."