Ministeru mnaqqar

Mal-ħatra, il-Ministeru t’Għawdex tneħħewlu l-Edukazzjoni u s-Saħħa • F’sentejn, tilef ir-responsabbiltajiet tal-enerġija, diżabbiltà, skart u l-bini ta’ ‘link’ permanenti

Minkejja li huwa l-Ministru t’Għawdex, Anton Refalo m’għandu ebda poter jew kontroll, u lanqas jista’ jwieġeb mistoqsijiet fuq l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-impjegati li jaħdmu fih, m’għandu ebda kontroll jew awtorità fuq il-proġett tal-mina li huwa propost li jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta u m’għandu ebda kontroll fuq il-binja, l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni tal-iskejjel tal-istat. Refalo m’għandu ebda kontroll dirett fuq xogħolijiet li jsiru mill-Enemalta u l-Water Services Corporation (WSC) fit-toroq Għawdxin, u m’għandu ebda kontrol fuq faċilitajiet relatati mal-iskart f’Għawdex.

Minkejja li huwa l-Ministru t’Għawdex, Refalo lanqas għandu kontrol fuq kwistjoni sempliċi bħal passaġġ tal-injam fuq ir-Ramla l-Ħamra, li huwa bżonnjuż għal dawk il-persuni b’nuqqas ta’ aċċesibbiltà. U minkejja li f’diversi okkażjonijiet tkellem dwar l-importanza ta’ Fibre Optic cable bejn Malta u Għawdex, meta mistoqsi fil-Parlament dwar fiex wasal il-proċess biex isir it-tieni ‘fibre-optic cable’ u kemm beħsiebha tkun l-ispiża tal-istess proġett, Refalo rrisponda biss hekk; “Nitlob lill-Onorevoli jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.”

Dan minkejja li meta saret il-ħatra tal-istess Ministru fl-2013 kien intqal li dan il-Ministeru se jkollu esklużi biss l-edukazzjoni u l-qasam tas-saħħa mill-portafoll tiegħu u mhux dawk tal-infrastruttura (proġett tal-mina), enerġija (Enemalta u WSC), ambjent (trattament tal-iskart) u diżabbiltà.

Sinifikanti wkoll huwa l-fatt li fil-Baġit għall-2016, il-Gvern qed jistma li jonfoq €6.3 miljuni f’nefqa kapitali fuq Għawdex, li hija l-inqas nefqa li ngħata l-istess Ministeru f’dawn l-aħħar snin, proprju minħabba li diversi proġetti issa qed jaqgħu taħt Ministeri oħrajn.

Il-PN irid Ministeru bħal dak ta’ Tabone u Giovanna

Dan huwa totalment il-kontra ta’ dak li kien jiġri taħt gvernijiet Nazzjonalisti fejn f’Għawdex, il-Ministru kien prattikament il-bidu u t-tmiem ta’ kollox u biex tbiddel bozza fi triq, jekk ma tasalx mal-Kunsill Lokali, ridt tmur għand il-Ministru. Kull settur u qasam ekonomiku u soċjali f’Għawdex kien sa ċertu punt, indipendenti minn Malta, u anke jekk il-linji gwida kienu jkunu l-istess, in-nefqiet fuq kull settur mis-saħħa sal-agrikoltura kien jieħu ħsiebha l-Ministeru.

Il-bidla fil-mod kif jopera l-Gvern wassal biex numru ta’ Għawdxin li tkellmet magħhom din il-gazzetta jistaqsu għalfejn hemm Ministru għal Għawdex, “biex imur joqgħod jiftaħ il-presepji biss?”

Evidenti iktar iżda kienet ir-rabja ta’ numru ta’ attivisti Laburisti, li xtaqu jibqgħu anonimi, mal-ILLUM akkużaw lill-Partit Laburista li b’dak li qed jiġri qed jintilef kważi kull possibbiltà li l-politiku Għawdxi jagħmel differenza f’ħajjet l-Għawdxin. “Ara kemm ġejna sew. Mela jekk għandi ilment, minflok għamiltu għand il-Ministeru t’Għawdex u waqaf hemm, issa dan l-ilment irid imur minn Għawdex għand xi Ministru ieħor f’Malta, li apparti Għawdex, għandu l-pajjiż kollu.” Iżda jidher, minn dak li qalu lill-ILLUM dawn l-attivisti Laburisti, li l-aktar ħaġa li weġġgħathom kienet id-deċiżjoni li l-proġett tal-mina bejn il-gżejjer, jekk isir, se jkun qed jaqa’ taħt il-portafoll tal-Ministru Joe Mizzi.

Hija kwistjoni ta’ mmaniġġjar

Sorsi viċin il-Gvern iżda ddefendew il-‘modus operandi’ tal-Gvern u filwaqt li nnegaw li dan qed isir biex jitnaqqaslu xi poter il-Ministru għal Għawdex, żiedu jfakkru kif dak li qed jagħmel Gvern Laburista jagħmel ħafna aktar sens għax ikun qed jistandardizza s-servizzi kollha offruti mill-Istat. “Tagħmel sens li jkollok, biex inġib eżempju, l-Isptar ta’ Malta li jkollu ċertu livell u l-isptar ta’ Għawdex li jkollu inqas? Tagħmel sens li proġett bħalma hu dak tal-mina jingħata lill-Ministeru ta’ Għawdex biex imbagħad ikollok irduppjar tar-riżorsi? X’sens jagħmel li l-Ministru ta’ Għawdex iqabbad nies minn tiegħu meta għandek persuni u riżorsi diġà eżistenti fi Transport Malta bħalissa? X’sens jagħmel li l-Ministru tal-Edukazzjoni ma jkollux ir-responsabbiltà ta’ manutenzjoni ta’ skola, sempliċiment għax qiegħda f’Għawdex?”

Osservatur politiku ieħor midħla sew tax-xena politika f’Għawdex sostna li l-mod kif qed iqassam ir-responsabbiltajiet il-Gvern preżenti, jagħmel ħafna sens. “Malta u Għawdex huma pajjiż wieħed u la huma hekk iridu jkunu trattati hekk. Ma jeżistux repubbliki, f’repubbliki. La għandek Ministru qed joħloq policy mela l-istess policy għandu jesegwixxiha hu.”

 ‘Illum l-Għawdxi irid imur Malta biex jitkellem mal-Ministru’

Minn naħa tiegħu iżda, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, li fil-Parlament iħobb isejjaħ lill-Ministeru ta’ Għawdex bħalissa bħala ‘Kunsill Lokali glorifikat’, qal li jekk il-partit li jirrapreżenta hu jerġa’ jkun fil-Gvern, il-Ministeru ta’ Għawdex jerġa’ “jissaħħaħ”.

Mistoqsi minn l-ILLUM x’irid ifisser biha meta jgħid “jissaħħaħ,” huwa qal li għandhom ikunu l-Għawdxin li jieħdu d-deċiżjonijiet, “għax il-PN jemmen li jekk id-deċizjonijiet jittieħdu aktar mill-qrib, aktar ikun aħjar.”

Said qal li kif huwa magħmul il-Ministeru llum, “l-Għawdxi jrid imur Malta biex jitkellem mal-Ministru.”

More in Politika